Saif al-Islam Gaddafi, iben l-eks mexxej Libjan, il-Kurunell Muammar Gaddafi, inqatel b’tiri ta’ arma tan-nar.
Skont l-Aġenzija tal-Aħbarijiet Libjana, il-mewt ta’ Saif – li kellu 53 sena u li kien meqjus b’mod wiesa’ bħala l-eredi ta’ missieru – ġiet ikkonfermata mill-Kap tat-tim politiku tiegħu.
L-avukat tiegħu qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet AFP li erbat irġiel armati kienu wettqu assassinju f’daru fil-belt ta’ Zintan, għalkemm ma kienx ċar min seta’ kien wara dan l-attakk.
F’verżjoni oħra ta’ kif seħħ il-każ, oħtu ġiet irrapportata li qalet li huwa kien miet ħdejn il-fruntiera tal-pajjiż mal-Alġerija.
Saif kien meqjus bħala persuna influwenti fil-pajjiż wara missieru li kien mexxa l-Libja mill-1969 sakemm tneħħa mill-poter u nqatel waqt irvell lura fl-2011.
Wara t-tneħħija ta’ missieru, Saif – li kien akkużat li kellu rwol fir-repressjoni brutali tal-protesti kontra l-Gvern – kien intbagħat il-ħabs minn milizja rivali fil-belt ta’ Zintan għal kważi sitt snin.
Il-Qorti Kriminali riedet li huwa jgħaddi ġuri fuq reati kontra l-umanità dwar l-allegat rwol tiegħu fis-soppressjoni tal-protesti tal-oppożizzjoni fl-2011.
Fl-2015, huwa kien ingħata sentenza tal-mewt in absentia għar-rwol tiegħu fir-repressjoni minn Qorti fi Tripoli, fil-punent tal-pajjiż, fejn il-kontroll huwa f’idejn il-Gvern appoġġjat min-NU. Huwa iżda kien rilaxxat mill-milizzja f’Tobruk taħt liġi ta’ amnestija sentejn wara.

