Mill-inqas 31 persuna spiċċaw mejtin u ħafna oħrajn midrubin wara li Iżrael wettaq attakk fuq Ċentru tas-Saħħa f’Gaża. Kien il-Ministru tas-Saħħa tal-Ħamas li qal li diversi persuni kellhom jittieħdu lejn l-isptar ta’ Nasser wara li sfaw midrubin.
Jidher li l-każ beda hekk kif il-forzi Iżraeliti ferħu n-nar fuq diversi Palestinjani li kienu qegħdin jipprovaw jaslu fil-post minn fejn l-Istati Uniti qiegħda tqassam l-ikel. Il-post jinsab fil-Punent tal-belt ta’ Rafah.
“Is-sitwazzjoni hija waħda tal-biża’” qal tabib Ingliż li qiegħed iservi fl-isptar f’Gaża. “Hawn ħafna nies deħlin b’feriti li juru li xi ħadd spara fuqhom…”
Iżda l-Istati Uniti b’reazzjoni għal din l-aħbar qalet li din hija storja ffabrikata filwaqt li Iżrael qal li mhux konxju li kien hemm persuni li sfaw feruti minħabba li kellhom bilfors jiftħu n-nar.
Iżrael għalaq kull entratura ta’ Gaża u b’hekk l-ebda għajnuna umanitarja ma tista’ tidħol bil-konsegwenza li eluf kbar ta’ persuni qegħdin imutu bil-ġuħ.
Intant, Munir al-Bursh id-Direttur Ġenerali tal-Ministeru tas-Saħħa f’Gaża kkundannat is-silenzju assolut mill-Komunità Internazzjonali meta quddiemhom qegħdin jaraw ġenoċidju jseħħ.
Qal li l-Isptarijiet qegħdin jaħdmu f’kundizzjonijiet miżeri u hemm nuqqas kbir ta’ mediċina li tista’ tgħid spiċċat għal kollox. Hu kompla jgħid li Iżrael għadu mhux qiegħed jaċċetta li jħalli 3,000 trakk mimli mediċina jidħlu f’Gaża. Huma jinsabu fil-belt Eġizzjana ta’ Al-Arish u hekk kif jingħataw il-permess jidħlu mill-ewwel.