Il-Ġurnalista Palestinjan Mohammed Alaloul kellu 4 minn uliedu maqtulin f’attakk mill-ajru mill-forzi Iżraeljani. Huma nqattlu wara li twettaq attakk mill-ajru fuq id-dar tiegħu.
Rapporti fil-midja internazzjonali qegħdin jgħidu li dan l-attakk mill-ajru kien ikkordinat kontra dan il-ġurnalista biex b’hekk ma jibqax jirraporta aktar dwar dak li hu għaddej fil-gwerra bejn Iżrael u l-Hamas.
Intant, waqt laqgħa għolja li saret bejn il-President tal-Awtorita Palestinjana Mahmoud Abbas u s-Segretarju tal-Istati Uniti Antony Blinken, saret sejħa mill-Palestinjani biex ikun hemm waqfien mill-ġlied b’mod immedjat.
Nabil Abu Rudeineh, il-kelliem għal Abbas wara li ntemmet il-laqgħa qal lill-midja internazzjonali li waqt il-laqgħa saret talba lill-Gvern Amerikan biex jagħmel pressjoni fuq il-Gvern Iżraelit biex mhux biss ikun hemm waqfien mill-ġlied, iżda li jħalli l-għajnuna umanitarja tidħol fil-Medda ta’ Gaza.
Skont dak li qiegħed jiġi rraportat fil-midja internazzjonali, Abbas qal lil Blinken li “m’għandix kliem biex niddiskrivi l-ġenoċidju u l-qerda li qiegħed isfori l-poplu Palestinjan b’mod partikolari dawk tal-Medda ta’ Gaza.”
Hu kompla jgħid li dan kollu qiegħed isir mill-magna ta’ qerda ta’ Iżreal fuq persuni ċivili kif ukoll ma wera l-ebda rispett lejn il-liġi internazzjonali fejn beda jitfa’ l-bombi bl-addoċċ.