Ix-xogħol preparatorju biex jitħaddem l-electronic monitoring jinsab f’fażi avvanzata, bis-sistema ċentrali ġiet installata filwaqt li beda l-ittestjar.
B’din hija bidla oħra fil-pjan tal-gvern biex ikompli jimmodernizza lil pajjiżna, impenn elettorali ieħor li qiegħed jitwettaq. Is-sistema tal-electronic monitoring se tkun bidla importanti fl-oqsma tal-ġustizzja u s-servizzi korrettivi f’Malta.
Riforma li se tbiddel l-affarijiet minn kif nafuhom sal-lum, b’għodda ġdida li għandha għanijiet ċari ħafna, li tagħti s-serħan il-moħħ lill-komunità u lill-vittmi filwaqt li tiffaċilita l-integrazzjoni lura fis-soċjetà ta’ persuni li jkunu wettqu xi reat.
Il-liġi tal-electronic monitoring ġiet ippreżentata fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri li fi żjara li għamel seta’ jsegwi l-proċess ta’ ittestjar. Il-ministru qal li, “Il-mod kif qed nipproponu din il-bidla u l-mod kif ħdimna dwarha, dejjem qed inżommu fi ħsibna l-vittma. Bħala Ministru għall-Intern, jien dejjem ħdimt fuq sistemi u bidliet li ma jagħmlux minn persuna vittma darbtejn. Huwa għalhekk li din il-bidla ssegwi anke passi importanti oħra bħat-twaqqif tal-aġenzija għall-vittmi ta’ kriminalità, għax ridna li qabel xejn ikollna l-istrutturi li jipproteġu lill-vittma.”
Il-ministru sostna li dan ma jfissirx li ma naħdmux fuq ir-riabilitazzjoni, għaliex hija element importanti ħafna, filwaqt li spjega li l-prinċipju li wassalna hawn, huwa dak ta’ sistema iktar riabilitittiva b’għodda moderna li tintuża wkoll f’pajjiżi oħra. Liġi li hija wkoll riżultat ta’ konsultazzjoni b’saħħitha u analiżi legali anke ta’ sentenzi tal-qrati.
Għalhekk, bix-xogħlijiet u tħejjijiet li issa jinsabu f’fażi avvanzata, kemm fejn tidħol infrastruttura teknoloġika, l-apparat innifsu u anke f’dak li huwa ttestjar u t-taħriġ, din ir-riforma daħlet f’fażi oħra. Dan biex ladarba l-liġi tgħaddi mill-Parlament, jibda’ t-tħaddim tagħha fażi wara oħra.
Il-Ministru Byron Camilleri kkonkluda li din ir-riforma se twassal għal sistema aqwa u aktar sigura f’ċirkostanzi speċifiċi.