Friday, October 24, 2025

Jinsab miexi ġmielu l-proġett ta’ restawr fuq il-mitħna ta’ San Ġwann t’Għuxa f’Bormla

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli żaru l-proġett ta’ restawr li jinsab għaddej fuq il-mitħna ta’ San Ġwann t’Ghuxa f’Bormla.

Dan il-proġett, immexxi mid-Diviżjoni tar-Restawr u l-Preservazzjoni, beda f’Mejju ta’ din is-sena u hu maħsub li jkun lest fil-bidu tas-sena 2026. L-għan ta’ dan il-proġett hu li jagħti ħajja ġdida lil din il-mitħna li nbniet fl-1674 minn Nicolas Cotoner u ħuh Rafael Cotoner.

Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Bil-proġett ta’ restawr fil-mitħna storika ta’ San Ġwann t’Ghuxa f’Bormla qed inkomplu nieħdu ħsieb il-wirt storiku tagħna b’rispett lejn l-identità u l-istorja tal-lokalitajiet tagħna. Din il-mitħna, li ilha teżisti sa mill-1674, hija xhieda ta’ ħila ta’ missirijietna. Permezz tax-xogħol professjonali tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, se nkunu qegħdin nerġgħu nagħtu ħajja lil din l-istruttura sabiex tkompli titgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.”

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli rrimarkat kif dan huwa restawr ieħor mill-kullana ta’ restawr li qiegħed isir ġewwa l-Kottonera u madwar Malta u Ghawdex. “Dan hu pass ieħor fil-viżjoni tagħna biex il-wirt storiku ta’ pajjiżna jibqa’ jintiret minn uliedna u l-ġenerazzjonijiet futuri. Dan il-proġett ma kienx ikun possibbli mingħajr il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn Fondazzjoni Kottonera, id-Direttorat tar-Restawr, u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla,” sostniet is-Segretarju Parlamentari.

Il-Perit inkarigat mix-xogħol Amanda Degiovanni qalet, “Ix-xogħol qed isir fuq l-erba’ faċċati tal-mitħna, it-torri u s-saqaf tagħha. Ħafna ġebel se jinbidel b’ġebel tal-franka tal-globiġerina bl-istess dimensjonijiet. Se jsir ukoll tindif tal-wiċċ, b’mod partikolari biex jitneħħa s-siment. Barra minn hekk, il-fili kollha se jiġu rrestawrati b’taħlita ta’ ġir idrawliku, u l-aperturi esterni kollha se jiġu restawrati jew mibdula f’aperturi tal-injam.

Il-proġett ta’ restawr jinkludi wkoll it-tiswija tas-saqaf eżistenti tad-deffun, li għadu oriġinali u f’kundizzjoni tajba, bil-patching biss fejn ikun meħtieġ. Dan se jsir b’taħlita ta’ deffun oriġinali sabiex tinżamm il-kompatibbiltà mal-finitura eżistenti. Fl-aħħar, il-bini se jiġi mgħammar b’sistema ġdida ta’ dawl arkitettoniku li se tixgħel u tenfasizza l-valur storiku tiegħu.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi u s-Sindku ta’ Bormla Marco Agius.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport