Saturday, December 28, 2024

Jinsabu fi stadju avvanzat ix-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar ix-xogħlijiet estensivi li għaddejjin bħalissa fuq iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv fir-Rabat Għawdex. Fil-fatt, ix-xogħol fuq dan il-proġett massiċċ miexi kif ippjanat u l-ewwel fażi tal-proġett, li tinkludi s-soqfa tal-faċilitajiet, waslet biex titlesta.

“Ix-xogħlijiet issa daħlu f’fażi oħra fejn qed noqorbu lejn it-tlestija ta’ dan l-ikbar proġett sportiv għal Għawdex. Hekk kif issa tneħħa t-tower crane, issokta x-xogħol ta’ panelling sabiex jibda jingħalaq il-kumpless. Apparti dan, ix-xogħol ta’ piping u elettriku miexi ġmielu fejn il-pumping area li ser tħaddem il-pixxina hija prattikament kompluta,” stqarr il-Ministru Camilleri.

Huwa kompla jispjega li fil-ġimgħat li ġejjin ser tibda tinbena l-faċċata b’disinn li jħallat il-ġebla tal-franka ma’ wisgħa estensiv ta’ ħġieġ. Dan filwaqt li qal li wasal Malta aktar tagħmir li ser jintuża fil-pixxina u għandu jitwassal Għawdex fil-jiem li ġejjin.

Min-naħa tiegħu l-Perit tal-proġett Godwin Sultana qal li bħalissa x-xogħol miexi lejn it-tielet u l-aħħar fażi u ddeskriva l-progress li sar f’dan il-proġett bħala wieħed eċċellenti. Kompla jispjega li qed jiġi installat it-tagħmir tal-pixxina u x-xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi issa jinsabu fi stadju avvanzat.

Il-Ministru Clint Camilleri ddeskriva l-proġett bħala wieħed kruċjali għall-gżira Għawdxija u temm jgħid li kif imwiegħed din se tkun faċilità mill-aqwa kif jixraq lill-isportivi Għawdxin u lil Għawdex.

Iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv huwa mifrux fuq medda ta’ madwar 5,000 metru kwadru u se jkun mgħammar b’faċilitajiet sportivi tal-aqwa livell u pixxina ta’ daqs Olimpiku fost l-oħrajn.

Ekonomija

Sport