Raġel ta’ 65 sena residenti Ħaż-Żabbar kien ikkundannat sentejn u 3 xhur ħabs. Dan wara li nstab ħati li qafel lis-sieħba li għandha 73 sena f’daru.
Fil-Qorti, ġie spjegat li l-każ seħħ fl-1 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet, meta allegatament l-akkużat qafel li sieħba, li heddidha u li serqilha l-mowbajl. Huwa kien akkużat ukoll li weġġaha, bil-konsegwenza li sofriet xi ġrieħi.
Fix-xhieda tagħha, il-vittma spjegat li hi u l-akkużat kienu ilhom f’relazzjoni għal 11-il sena u li dakinhar li seħħ il-każ, hija qalet li bdiet ippakkjat ħwejjiġha biex titlaq.
Spjegat li l-akkużat sakkarha ġewwa u li xorta rnexxielha toħroġ, hekk kif kisseret il-ħġeiġ tal-antiporta b’martell. Qalet li dakinhar stess waranofsinhar, hi kienet qed taqsam, ġie fuqha, qabdilha l-baskett u ħadilha l-portmoni. Hija waqgħet mal-art imma taha idu u refagħha.
Mal-Pulizija, l-akkużat ċaħad li ried jisraqa u sostna li kull ma’ ried li jżomm il-credit card tagħha personali minħabba li hi kellha tagħtih xi flus. Hawnhekk, huwa żied jgħid li l-vittma waqgħet mal-art għax kienet fis-sakra u mhux għax għamlitlu xi ħaġa hi.
Il-Maġistrat Gabriella Vella, li semgħet il-każ, sabet lill-akkużat ħati u minbarra l-piena ta’ ħabs ħaġret ordni ta’ trażżin għal 5 snin biex tipproteġi lill-mara waqt li wissietu li jekk jikser din il-kundizzjoni jista’ jeħel multa ta’ €7,000.
Hija ordnatlu wkoll iħallas madwar €2,700 fi spejjeż tal-esperti mqabbda f’dan il-każ li kien investigat mill-Ispettur Kurt Farrugia u Colin Sheldon.