Wara iktar minn 100 sena ilu minn meta għereq il-vapur HMS Endurance madwar il-kosta tal-Antartika, fl-aħħar dan instab u apparentament għadu pjuttost f’kundizzjoni tajba. Dan il-vapur kien taħt id-direzzjoni tal-Esploratur Ernest Shackleton, li kien ossessjonat fuq is-South Pole. Fil-fatt matul ħajtu kien involut f’erba’ espedizzjonijiet li saru fil-Kontinent l-Abjad.
L-Endurance għereq fl-1915 f’Weddell Sea, fil-parti ta’ fuq madwar il-kosta tal-Antartika. Is-sejba saret permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Falklands Maritime Heritage Trust u l-History Hit. Mensun Bound, id-direttur tal-esplorazzjoni osserva li dan il-vapur “Jinsab f’kundizzjoni brillanti” u żied jgħid li “Dan hu avveniment sinjifikanti fl-istorja tal-Antartika”.
Il-vapur Endurance salpa mill-Ingilterra fl-1914 u wasal l-Antartika s-sena ta’ wara, fuq vjaġġ magħruf bħala Imperial Trans-Antarctic Expedition. Però, minħabba kundizzjonijiet estremament diffiċli, il-vapur spiċċa mwaħħal f’Weddell Sea. It-28 raġel li kien hemm abbord, inkluż Shackleton innifsu, abbandunaw il-vapur u kkampjaw fuq is-silġ li kien sejjer lejn id-direzzjoni ta’ fuq. Eventwalment, it-tim kollu wasal fuq gżira mhux abitata, bl-isem ta’ Elephant Island. Għalkemm l-espedizzjoni ma rnexxietx, il-fatt illi t-tim kollu rnexxielu jsalva u ħadd minnhom ma tilef ħajtu, dan ġie meqjus bħala rebħa trijonfali tal-perseveranza u t-tmexxija inkredibbli ta’ Shackleton li miet fl-1947.
Kif appena l-vapur Endurance ġie abbandunat mit-tim tal-espedizzjoni, dan eventwalment għereq f’Weddell Sea. It-tim li wettaq is-sejba ta’ Endurance kien il-bastiment Endurance22 li kien jinsab fuq il-missjoni Endurance22. Kemm il-bastiment kif ukoll il-missjoni ssemmew għall-vapur Endurance oriġinali bħala rispett u s-sena kurrenti ta’ meta saret l-espedizzjoni mit-tim kurrenti. Abbord kien hemm group imħallat li kien jikkonsisti fi xjentisti, storiċi u produtturi tal-films li bdew jiffilmjaw dokumentarju għan-National Geographic dwar il-vjaġġ tagħhom biex isibu lil Endurance.
Skont it-Trattat tal-Antartika tal-1959, Endurance m’għandux jiċċaqlaq mill-post li jinsab fih, iżda minflok għandu jibqa’ hemm biex isiru studji fuqu u jittieħdu ritratti tiegħu fil-post li fihom qatta’ dawn l-aħħar 107 snin.