Fl-aħħar aġġornament dwar is-sitwazzjoni xejn pjaċevoli tal-Greċja li ilha għal dawn l-aħħar jiem milquta minn nirien mifruxa kawża tat-temperaturi għoljin, jidher li minn tal-inqas instabu 18-il katavru f’żona ta’ foresti fit-Tramuntana tal-pajjiż. Dan tħabbar mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Grieg.
L-ewwel rapporti indikaw li dawk li tilfu ħajjithom fil-foresti kienu immigranti u li kollha kemm huma nstabu f’żewġ gruppi differenti. Fl-istess rapport jingħad li t-total tal-vittmi huma mistennija jkomplu jiżdiedu.
Kmieni t-Tlieta filgħodu, għexieren ta’ pazjenti fl-Isptar tal-Greċja ġew evakwati fuq lanċa fil-Port ta’ Alexandroupolis. Dan wara li n-nirien komplew jinfirxu, bil-konsegwenza li wħud minnhom tilfu ħajjithom.
L-awtoritajiet tal-pajjiż qalu li b’kollox ġew evakwati 65 pazjent mill-Isptar Universitarju ta’ Alexandroupolis bħala prekawzjoni. Huma qalu ukoll li 14-il persuna oħra ġew evakwati minn bastiment tal-Gwardja tal-Kosta u minn bajja qrib ir-raħal ta’ Makri.
Diversi komunitajiet fir-reġjun ta’ Evros, qrib il-fruntiera mat-Turkija, ġew evakwati hekk kif l-awtoritajiet wissew li r-riskju ta’ nirien mistenni jibqa’ jiżdied fil-jiem li ġejjin.