L-awtoritajiet Messikani sabu l-fdalijiet ta’ mill-inqas 59 persuna f’qabar moħbi fl-istat ta’ Guanajuato.
Karla Quintana, il-kap tal-Kummissjoni Nazzjonali għat-Tiftix (CNB) qalet li “fil-biċċa l-kbira tal-vittmi huma persuni żgħar fl-età, possibbilment anke żgħażagħ”.
Skont Quintana l-qabar tal-massa nstab fl-inħawi ta’ Barrio de San Juan, fil-belt ta’ Salvatierra.Tenniet li għalkemm għad irid jiġi kkonfermat b’mod uffiċjali, fost il-vittmi hemm bejn 10 u 15-il mara.
Investigaturi sabu xhieda li reati relatati mal-għibien ta’ persuni twettqu fis-sit fejn instab il-qabar tal-massa.
F’Lulju li għadda investigaturi kienu temmew ix-xogħlijiet f’qabar tal-massa li kien instab fil-muniċipalità ta’ Tlaquepaque, fejn kienu nstabu 86 borża bi fdalijiet umani. Dan filwaqt li f’Jannar li għadda kienu nstabu madwar 500 borża li kien fihom il-fdalijiet ta’ 48 persuna.
L-awtoritajiet jissuspettaw li l-vittmi nqatlu f’post ieħor minħabba li ma nstabux balal ta’ armi tan-nar viċin il-katavri.
Il-Messiku beda tiffaċċja mewġa ta’ vjolenza mindu fl-2006 l-Gvern beda juża l-militar biex jiġġieled lill-kartels tad-droga.