Saturday, November 23, 2024

Jintbagħat tliet snin ħabs fuq traffikar tad-droga

… tnejn oħra jinżammu arrestati fuq akkużi simili

Aqra wkoll

Tlett irġiel tressqu separatament fil-Qorti mixlija b’akkużi dwar pussess u traffikar ta’ droga. Wieħed minnhom ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih u ġie kkundannat tliet snin ħabs filwaqt li t-tnejn l-oħra ma ammettewx għall-akkużi u nżammu arrestati. 

Huma ġew arrestati wara sorveljanza minn sezzjonijiet differenti fi ħdan il-Korp tal-Pulizija fir-rigward ta’ traffikar ta’ droga fl-inħawi ta’ Paceville, li wasslet għall-arrest ta’ bosta persuni. 

Din il-ħidma saret fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda. Fil-pussess tat-tlitt irġiel, lesta biex tkun itraffikata, il-Pulizija sabet diversi sustanzi allegatament, kokaina u MDMA. Waqt din is-sorvejlanza, wieħed mill-irġiel kien ukoll avviċina Pulizija pajżana u offrielhom biex jixtru d-droga.

Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, l-ewwel li tressaq kien Benjamin Sanago ta’ 32 sena mill-Mali residenti San Ġwann. Huwa kien mixli li kellu fil-pussess tiegħu droga kokaina u li ttraffika u kellu fil-pussess tiegħu l-kannabis. 

Huwa kien mixli wkoll li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ mitt metru mill-parametru ta’ post fejn normalment jiltaqgħu iż-żgħażagħ. Akkużi oħra kontrih jgħidu li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet li bihom ingħata l-ħelsien mill-arresti fi tliet digrieti separati. 

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Jonathan Pace u Jonathan Cassar spjegat li waqt li l-Pulizija kienu qed iduru l-inħawi ta’ Paceville f’ħin minnhom raw lil Sanago jaġixxi b’mod suspettuż hekk kif dan kellu xi pakketti f’idu. Ingħad li meta l-Pulizija avviċinat lill-imputat, dan qallu li kien qiegħed iżomm pakkett biex jagħtih lil xi ħadd. 

Intqal ukoll li meta l-Pulizija informatu li kien se jiġi arrestat huwa kkopera mill-ewwel. Tant li radd lura lill-Pulizija €30, li kien qala’ mill-bejgħ tad-droga. 

Huwa ammetta għall-akkużi u kien ikkundannat tliet snin priġunerija. Minbarra s-sentenza mogħtija lilu, huwa ġie immultat €700 u ordnat sabiex iħallas €3,000 talli kiser il-garanziji fuq il-ħelsien mill-arrest fi tliet każijiet oħra. Il-ħati talab skuża ta’ dak li għamel. 

Warajh tressaq Yebio Berhe Beyen ta’ 50 sena mill-Eritrea residenti l-Iklin. Huwa kien mixli li l-Ġimgħa filgħaxija kellu fil-pussess tiegħu droga kokaina u kannabis, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kiitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Huwa kien ukoll mixli li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ mitt metru mill-parametru ta’ post fejn normalment jiltaqgħu iż-żagħżagħ u li sar riċediv b’sentenza mogħtija mill-Qorti ta’ Malta. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat li minn tfittxija illi saret fuq l-imputat, instab li dan kellu sustanzi tal-kannabis, flimkien ma’ €150. Intqal ukoll li minn tfittxija illi saret fir-residenza ta’ Beyen, il-Pulizija sabet miżien u boroż suspettati li jintużaw fit-traffikar tad-droga. 

Fil-Qorti, l-imputat ma wieġeb għall-ebda mistoqsija li saritlu, bil-Maġistrat iqis dan bħala li qed iwieġeb mhux ħati. Wara li l-Qorti semgħet is-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni u tal-Avukat tal-Għajnuna Legali, il-Qorti ddeċiediet li Yebio għandu jinżamm taħt arrest. 

It-tielet imputat kien Ceesay Alimameh ta’ 25 sena mill-Indja residenti Ħal Qormi. Huwa kien mixli li ttraffika u kellu fil-pussess tiegħu d-droga kannabis u li kien fil-pussess ta’ mediċina psikotropika u ristretta (MDMA). Alimameh kien mixli wkoll li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru mill-parametru ta’ post fejn normalment jiltaqgħu iż-żgħażagħ.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li meta l-pulizija pajżana avviċinawh, dan allegatament offrielhom id-droga. Kien hawn fejn ġie infurmat li huwa kien se jiġi arrestat. Quddiem il-Maġistrat Grech, Alimameh wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. 

Sport