Sunday, December 22, 2024

Jintefqu €17-il miljun fi spejjeż ta’ esperti tal-Qorti f’sentejn

Aqra wkoll

Bejn l-2020 u l-2021 intefqu aktar minn €17-il miljun fi spejjez ta’ esperti maħtura mill-Qrati fil-proċessi ġudizzjarji li jsiru biex dawk kollha li jkunu qed jistennew li ssir ġustizzja, jkollhom deċizjoni. 

Dan intqal mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi meta kien qed jitkellem fil-Parlament fit-tieni qari ta’ l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-proċess tad-diġitilizazzjoni tas-sistema ġudizzjarja. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi rrefera għat-tweġiba parlamentari li ta l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard fuq l-ispiża tal-qrati għall-esperti u qal li din in-nefqa hija prova ta’ kemm flus qed jintefqu minn fondi pubbliċi f’dan is-settur biex narawh miexi ‘l quddiem. Huwa fakkar li fl-aħħar ġimgħat il-Parlament iddiskuta emendi fil-liġi dwar ir-rabta li għandu jkun hemm bejn l-Awtorita dwar is-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol u l-inkjesti Maġisterjali meta jkun hemm inċidenti ta’ natura gravi ħafna jew fatalitajiet fuq postijiet tax-xogħol. Huwa rrefera għal dak rrappurtat dwar l-għadd kbir ta’ inkjesti pendenti fuq inċidenti f’postijiet tax-xogħol u stqarr li wara kull inkjesta hemm nies li qed jistennew l-eżitu ta’ dawn l-inkjesti. Għalhekk huwa importanti ħafna li nkomplu nwettqu l-bidliet li hemm bżonn biex il-proċessi ġudizzjarji jitħaffew u jsiru b’mod aktar effiċjenti u effikaċi. 

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li ilhom isiru tentattivi biex jitħaffef il-proċess ġudizzjarju li għandu jkun wieħed aktar effiċjenti u saħansitra kellna sentenzi minn qrati superjuri li ddeċidew li drittijiet ta’ individwi inkisru għaliex il-proċess tagħhom quddiem il-ġustizzja ma kienx wieħed spedit.

Il-Ministru qal li kull stakeholder involut fi proċess ġudizzjarju għandu jkollu interess li dan jimxi b’mod l-aktar effiċjenti għaliex kulħadd għandu jżomm quddiem għajnejh li l-pern tal-ġustizzja huwa ċ-ċittadin.  In-nies qegħdin jistennew minn dawk kollha nvoluti fil-ħidma tal-Qrati li l-affarijiet jieħdu svolta ‘l quddiem f’dan il-qasam. 

Liġi bħal din li qed jiddiskuti l-Parlament bħalissa se tagħti aktar għodda lis-sistema ġudizzjarja kollha biex l-affarijiet isiru aħjar. Il-Gvern irid jara li jsir l-investiment adekwat biex kull ġudikant ikun jista’ jasal għall-ġudizzju tiegħu bl-aktar mod spedit u effiċjenti. Meta l-Gvern jagħti aktar riżorsi għall-proċess ġudizzjarju aħjar jkun qed jinvesti favur in-nies li jistennew ġustizzja aktar effiċjenti.

Il-Ministru Jonathan Attard

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi fakkar fl-importanza tad-diġitiliżżazjoni tal-proċessi fil-Qrati u stqarr li meta bħala Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej kien qed jitfassal il-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza kien hemm qbil li jkunu investi miljuni ta’ Ewro għal dan il-għan. Huwa qal li l-proċessi ġudizzjarji min-natura tagħhom huma proċessi voluminużi u filwaqt li entitajiet governattivi oħra resqin lejn sistema “paperless”, fil-Qrati dan għadu mhux il-każ u bis-saħħa ta’ din il-liġi, il-ġudikanti issa se jkollhom l-għodda ta’ pjattaforma diġitali li tgħinhom fil-ħidma tagħhom.

Din il-liġi hija ħolqa oħra fil-katina ta’ tibdiliet li saru u li jeħtieġ isiru biex il-proċess ġudizzjarju narawh miexi ‘l quddiem. Irid ikollna kuraġġ li nibdlu l-affarijiet, saħaq il-Ministru Zrinzo Azzopardi. “Ma nistgħux nippretendu li jkollna riżultati differenti jekk nibqgħu naħdmu kif konna qabel. Irridu nibdlu għax mill-esperjenza nafu x’inhuma n-nuqqasijiet li għandna. Irridu nevalwaw ir-riżultati li kellna s’issa u nfittxu soluzzjonijiet differenti u nibdlu b’mod kuraġġuż, b’mod attent, b’mod maħsub li jirrispetta lil dawk kollha li jipparteċipaw fil-ħidma tal-Qrati tagħna”. 

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li jemmen li f’pajjizna hawn kunsens wiesgħa li dan is-settur jeħtieġ aktar bidliet importanti li ma jiġux biss minn investiment finanzjarju imma wkoll minn approċċ differenti ta’ kif għandna nagħmlu l-affarijiet.

Huwa temm jgħid li jinsab konvint li bid-direzzjoni min-naħa tal-Gvern, bl-investiment finanzjarju li qed isir, bir-rieda sħiħa li fil-Parlament ikomplu jitressqu l-bidliet meħtieġa għall-qasam tal-ġustizzja u bl-għajnuna sħiħa ta’ dawk kollha involuti fis-settur l-affarijiet jistgħu jimxu ‘l quddiem. Dan kollu jrid isir, saħaq il-Ministru Zrinzo Azzopardi, waqt li nżommu quddiem għajnejna żewġ oġġettivi mportanti, dik li l-għażliet li jsiru huma għażliet li jolqtu lid-demokrazija u d-drittijiet taċ-ċittadin u li l-proċess kollu tal-ġustizzja huwa wieħed dwar in-nies, dwar iċ-ċittadini li jkunu qed ifittxu li ssir ġustizzja.

Ekonomija

Sport