Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, indirizzaw konferenza li timmarka t-tlestija tal-proġett konġunt bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa “Attorney General and State Advocate in Malta – Implementation of Action Plan of Offices Re-organisation”, li kellu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-funzjonament, l-indipendenza operazzjonali u l-kapaċità istituzzjonali taż-żewġ uffiċċji.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Attard tenna li dan il-proġett jikkonferma l-impenn kontinwu tal-Gvern biex isaħħaħ is-settur tal-ġustizzja u jkompli jsaħħaħ il-pedamenti ta’ stat demokratiku mibni fuq il-prinċipju tas-saltna tad-dritt. “Din l-inizjattiva ma kinitx eżerċizzju amministrattiv biss, iżda pass konkret lejn aktar speċjalizzazzjoni u professjonalità fi ħdan iż-żewġ uffiċċji. Nistgħu ngħidu b’kburija li ż-żewġ istituzzjonijiet qed jagħtu riżultati konkreti, kemm fil-prosekuzzjonijiet kriminali kif ukoll fil-pariri legali u kif ukoll fir-rappreżentanza tal-Istat,” sostna l-Ministru Attard.
Il-Ministru Attard fakkar li s-separazzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u dak tal-Avukat tal-Istat fl-2019 kienet pass kuraġġuż li saħħaħ is-sistema ġudizzjarja Maltija u żied il-livell ta’ speċjalizzazzjoni u indipendenza.
Dan il-proġett, appoġġjat mid-DG REFORM tal-Kummissjoni Ewropea u d-Direttorat Ġenerali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt fil-Kunsill tal-Ewropa, serva biex jissaħħu l-istrutturi interni, il-proċessi, u l-mekkaniżmi ta’ governanza taż-żewġ uffiċċji.
Fid-dawl ta’ dan, il-Ministru Attard fakkar dwar iż-żewġ ftehimiet kollettivi mal-professjonisti legali taż-żewġ uffiċċji, pass kruċjali biex jissaħħaħ l-investiment fir-riżorsi umani u jiġi miżmum talent kwalifikat fi ħdan is-servizz pubbliku.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi enfasizza li r-riformi huma mezz biex itejbu l-ħajja tan-nies, billi jittrasformaw l-ambizzjoni f’azzjoni u l-azzjoni f’riżultati tanġibbli għan-nies. Huwa temm billi rringrazzja lill-Ministeru tal-Ġustizzja u lill-partijiet kollha involuti għall-ħidma u l-impenn tagħhom lejn amministrazzjoni pubblika aktar effiċjenti, innovattiva u reżiljenti.
Matul il-konferenza, ġew diskussi wkoll il-passi li jmiss fil-pjan ta’ modernizzazzjoni tal-ġustizzja, inkluża t-twaqqif tal-qorti kummerċjali speċjalizzata, ir-riformi fil-Qorti tal-Familja u fit-Tribunal tat-talbiet iż-żgħar, kif ukoll l-investiment kontinwu fit-trasformazzjoni diġitali u fl-infrastruttura.
Il-Ministru Jonathan Attard saħaq li dan il-proġett għandu jitqies bħala pedament għal aktar kisbiet fil-ġejjieni, u mhux bħala tmiem tal-proċess ta’ riforma. “Din hija bidu ta’ kapitlu ġdid fl-istorja istituzzjonali ta’ pajjiżna. Aħna impenjati li nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess biex inwasslu sistema ġudizzjarja moderna, trasparenti u effettiva li tkompli ssaħħaħ id-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’Malta.”
Fost kelliema oħrajn li indirizzaw din il-konferenza kien hemm Clare Ovey Direttur tad-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, Judit Rózsa, Direttriċi tat-Task Force għar-Riforma Strutturali fil-Kummissjoni Ewropea, l-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg, l-Avukat tal-Istat Dr Christopher Soler u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea.