Saturday, December 21, 2024

Jintemm id-dominju ta’ Djokovic fl-Australian Open

Aqra wkoll

Novak Djokovic tilef fl-Australian Open għall-ewwel darba mill-2018 hekk kif ir-raba’ seed, it-Taljan Jannik Sinner, għelbu u għadda għall-ewwel finali tiegħu ta’ Grand Slam.

Djokovic, ta’ 36 sena, tilef 6-1 6-2 6-7 (6-8) 6-3 hekk kif Sinner irkupra wara li ma ħax match point fit-tie-break. B’hekk intemm it-tentattiv ta’ Djokovic għal 11-il titlu li jestendi rekord u 25 maġġuri biex jaqbeż lil Margaret Court.

Sinner, ta’ 22 sena, se jiffaċċja lil Daniil Medvedev, li rkupra minn żewġ sets minn taħt biex għeleb lill-Ġermaniż, Alexander Zverev, fil-finali ta’ għada.

It-tielet seed Russu, Medvedev, ta’ 27 sena, rebaħ 5-7 3-6 7-6 (7-4) 7-6 (7-5) 6-3 fit-tieni semi-finali notevoli li damet erba’ sigħat u 18-il minuta u spiċċat sitt minuti wara nofs il-lejl, ħin lokali.

L-eliminazzjoni ta’ Djokovic minn Sinner tfisser li se jkun hemm isem ġdid fuq it-trofew tas-singles tal-irġiel.

Is-Serb kien rebaħ 33 partita konsekuttiva f’Melbourne minn meta tilef kontra Chung Hyeon tal-Korea t’Isfel fir-raba’ round sitt snin ilu.

“Kienet iebsa ħafna, ħafna,” qal Sinner, li huwa l-ewwel Taljan li wasal f’finali tas-singles f’Melbourne.

“Ħassejt li Novak ma kienx qed iħossu daqshekk kbir u għalhekk bqajt nimbotta. Biss, ippruvajt inkun lest għar-raba’ set, li bdejt tassew, tas­sew tajjeb.”

Medvedev, li kien finalista darb­tejn, qed jimmira għall-ewwel titlu tiegħu f’Melbourne, wara li tilef kontra Djokovic u Rafael Nadal ta’ Spanja fil-finali tal-2021 u l-2022.

Għal tant żmien, partikolarment f’Mel­bourne Park, il-mistoqsija kienet: għaliex il-ġenerazzjoni żagħ­żugħa ma tistax twaqqaf lil Djokovic?

It-tweġiba fil-biċċa l-kbira kienet iċċentrata fuq il-kobor ta’ Djokovic – it-teknika, il-kundizzjoni fiżika, il-mentalità tiegħu – iżda bla dubju l-aktar fattur sinifikanti kien id-determinazzjoni tal-avversarji tiegħu.

Sinner daħal fl-aħħar tentattiv biex iwaqqa’ n-numru wieħed tad-dinja armat bl-għarfien li dan l-aħħar għe­leb lil Djokovic darbtejn, wara reb­ħiet fl-ATP Finals u fil-finali tat-Tazza Davis fi tmiem l-istaġun li għadda.

It-twissija kienet li dawk ir-rebħiet ġew fuq tliet sets.

Li tagħmel dan fuq il-format taw­wali ta’ ħames sets hija dejjem proposta differenti – kif sab Sinner stess meta llidja b’żewġ sets fil-kwarti-finali bejniethom ta’ Wimbledon fl-2022 qabel ma tilef meta Djokovic ħa d-distanza sħiħa.

Iżda l-mod kif żarma lil Djokovic il-bieraħ kien kejl tat-tkabbir tiegħu.

Mill-bidu, ippressa lill-avversarju tiegħu f’ammont mhux karatteristiku ta’ żbalji u ma ħalliehx jieħu break point wieħed.

Wara li ħa l-logħba tal-ftuħ tas-service ta’ Djokovic, Sinner kompla juża l-qawwa u l-eżattezza tiegħu biex reġa’ bbrejkja għal 5-1 qabel serva l-ewwel set impekkabbli f’35 minuta.

Kien hemm sens ta’ xokk fost il-folla f’Melbourne Park mhux imdorrija tara lil Djokovic jissielet daqshekk fir-Rod Laver Arena.

L-ebda player maskili qatt ma kien rebaħ daqstant partiti tal-Grand Slam wara li tilef is-set tal-ftuħ – total ta’ 46 rimonta minn dak l-iżbilanċ – iżda l-ħidma ta’ Djokovic saret aktar diffiċli wara t-tieni set fejn ma setax iwaqqaf il-influs ta’ żbalji mhux sfurzati.

Sinner kompla jirritorna tajjeb iżda l-livell ta’ Djokovic tjieb ftit fit-tielet set hekk kif iż-żewġ players dehru sodi fis-service.

Djokovic rebaħ tie-break tensa wara li salva match point u Sinner, li ftit li xejn kien għamel ħażin, żgur li staqsa kif daħlu għar-raba’ set.

B’mod impressjonanti it-Taljan sforza tliet break points fl-ewwel service game ta’ Djokovic – li s-Serb salva – qabel ma Djokovic tilef vantaġġ ta’ 40-0 biex ta break ieħor lil Sinner għal 3-1, li żvolġa deċiżiv.

FINALI TAN-NISA LLUM – Il-finali femminili se tintlagħab illum fid-9.30 am bejn Aryna Sabalenka (Belarus) u Quiwen Zheng (Ċina).

Ekonomija

Sport