F’ċerimonja mill-isbaħ u ferm spettakolari li saret fuq il-Fosos tal-Furjana, intemmet b’mod uffiċjali id-19-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023, li saru proprju f’pajjiżna.
Indirizzaw lil dawk preżenti l-Onorevoli Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Dr Clifton Grima, u l-president tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), Julian Pace Bonello.
Fl-aħħar taċ-ċerimonja, Julian Pace Bonello, f’att simboliku għadda l-bandiera tal-Logħob lil delegazzjoni ta’ Andorra, hekk kif proprju sentejn oħra, fl-2025, dan il-Logħob se jkun qed isir f’dan il-pajjiż.
Dan qabel ma l-kantanti AIDAN u Amber kantaw id-diska uffiċjali tal-Logħob, ‘Shine Your Light’.
Din iċ-ċerimonja saret bil-parteċipazzjoni ta’ artisti differenti fi spettaklu mill-isbaħ mimli talent Malti.