Friday, December 27, 2024

Jintlaħaq ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit dwar l-Irlanda ta’ Fuq

Aqra wkoll

Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea rnexxielhom jilħqu ftehim bejniethom dwar l-arranġamenti kummerċjali ta’ wara Brexit għall-Irlanda ta’ fuq.

Wara l-wasla tagħha f’Londra, il-President tal-Kummisjoni Ewropea Ursula von der Leyen iltaqgħet mal-Prim Ministru Ingliż Rishi Sunak sabiex jiftiehmu dwar il-ftehim il-ġdid tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit. Huma laħqu ftehim dwar il-protokoll kontroversjali tal-Irlanda ta’ Fuq: “Għandni pjaċir ngħid illi għamilna avvanz. Bdilna l-protokoll u issa qed inħabbru l-framework ta’ Windsor,” qal il-Prim Ministru Ingliż waqt konferenza stampa konġunta mal-President tal-Kummissjoni.

Waqt l-istess konferenza, Von der Leyen qalet li l-pjan miftiehem għandu l-għan li “Jippermetti illi jinfetaħ kapitlu ġdid fis-sħubija, li eventwalment se jwassal għal soluzzjonijiet li jeliminaw it-tħassib tal-Irlanda ta’ Fuq”.

Il-ftehim għandu jwitti t-triq għal relazzjoni futura ta’ wara l-Brexit bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.

It-Tnejn waranofsinhar Von der Leyen iltaqgħet mar-Re Charles III għat-te fil-Kastell ta’ Windsor minkejja li dan l-aġir seta’ jqanqal dubji minħabba li dan jista’ jkaxkar lill-monarkija f’dibattitu politiku.

Ir-raġuni wara din ir-riforma fil-protokoll tal-Irlanda ta’ Fuq min-naħa tar-Renju Unit ġejja mill-fatt li f’ċertu partijiet kien qed ikun hemm oġġetti li jiġu kkontrollati minn meta jidħlu mill-bqija tar-Renju Unit.

Meta r-Renju Unit telaq mill-Unjoni Ewropea fl-2020, dak iż-żmien nibtet it-tilwima dwar dan il-protokoll tal-Irlanda ta’ Fuq. Min-naħa tagħhom, l-Unjonisti Irlandiżi għandhom it-twemmin li l-għan ewlieni tal-protokoll kien jimmina r-rabtiet tal-Irlanda ta’ Fuq minn mal-bqija tar-Renju Unit.

Xi Membri Parlamentari konservattivi huma xettiċi dwar il-ftehim iżda għadu ma ġiex ikkonfermat li se jkun hemm vot fil-House of Commons.

Ekonomija

Sport