Sunday, December 22, 2024

Jintlaħaq ftehim biex Jim Ratcliffe jixtri 25% tal-ishma ta’ Manchester United

Aqra wkoll

Il-biljunarju, Jim Ratcliffe aċċetta li jixtri sehem ta’ 25% f’Manchester United għal madwar £1.03 biljuni. 

B’hekk Ineos Group ta’ Ratcliffe se jieħu l-kontroll tal-operat tal-football tal-club.

Il-Britanniku ta’ 71 sena se jipprovdi wkoll  £236 miljun għal investiment fl-istadium ta’ Old Trafford.

Din it-tħabbira ġiet 13-il xahar wara li s-sidien tal-club, il-familja Glazer, iddikjaraw li kienu qed jikkunsidraw li jbiegħu biex “jesploraw alternattivi strateġiċi”.

Il-familja Amerikana xtrat il-club għal £790 miljun fl-2005.

L-uniku offerent l-ieħor iddikjarat pubblikament, il-bankier Qatar Sheikh Jassim bin Hamad Al Thani, irtira l-offerta tiegħu biex jixtri 100% tal-club f’Ottubru, li għadda.

Ratcliffe, li twieled f’Manchester, huwa ċ-chairman tal-kumpanija tal-petrokimiċi Ineos u  huwa kien “partitarju tar-Red Devils matul ħajtu kollha”. 

Iżda s-sena l-oħra huwa pprova jixtri l-club ta’ Chelsea mingħajr suċċess.  

Fi stqarrija, huwa qal: “Filwaqt li s-suċċess kummerċjali tal-club żgura li dejjem kien hemm fondi disponibbli biex jintrebħu t-trofej fl-ogħla livell, dan il-potenzjal ma ġiex miftuħ għal kollox fl-aħħar żminijiet.

“Se nġibu l-għarfien, il-kompetenza u t-talent globali mill-grupp usa ta’ Ineos Sport biex ngħinu biex isir aktar titjib fil-club, filwaqt li nipprovdu wkoll fondi maħsuba biex jippermettu investimenti futuri f’Old Trafford.

“Aħna ninsabu hawn għas-snin li ġejjin u nagħrfu li hemm ħafna sfidi u xogħol iebes quddiemna, li se noqorbu b’rigorożità, professjonalità u passjoni. Aħna impenjati li naħdmu ma’ kulħadd fil-club – il-bord, l-istaff, il-players u l-partitarji – biex imexxu lill-club ‘il quddiem.

“L-ambizzjoni kondiviża tagħna hija ċara: ilkoll irridu naraw lil Manchester United lura fejn jappartjenu, fil-quċċata tal-football Ingliż, Ewropew u dinji.”

Il-club jgħid li l-ftehim huwa “suġġett għall-approvazzjonijiet regolatorji tas-soltu” iżda huma “jittamaw li jitlesta kemm jista ‘jkun malajr”.

Inizjalment se jkun hemm proċess ta‘ sitt sa tmien ġimgħat biex il-ftehim jiġi ratifikat, li jinkludi li jiġi ffirmat mill-Premier League.

Ekonomija

Sport