Is-Sibt filgħaxija, fil-Parlament Ewropew intlaħaq ftehim proviżorju fejn ġie stabbilit fond multi-biljunarju, msejjaħ il-Fond Soċjali għall-Klima, liema fond ser jgħin lill-familji u lin-negozji żgħar fit-tranżizzjoni tal-klima.
Il-membru Parlamentari Ewropej, David Casa kien negozjatur prinċipali f’dan il-ftehim, wara li s-sena li għaddiet kien ġie appuntat bħala rapporteur għall-Fond Soċjali għall-Klima f’isem il-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.
Permezz ta’ dan il-fond, Malta ser tibbenefika minn miljuni ta’ ewros ladarba dan il-ftehim jingħata l-aħħar approvazzjoni tiegħu wara l-Ewwel tas-Sena.
Il-fond approvat provviżorjament jammonta għal €86.7 biljun, ffinanzjat permezz ta’ mekkaniżmu storiku li jitfa’ prezz fuq l-emissjonijiet.
Din tifforma parti mill-politika klimatika prinċipali tal-Unjoni Ewropea dik maqbula flimkien mal-Fond Soċjali għall-Klima.
Il-Fond Soċjali għall-Klima jagħmel parti mill-pakkett “Fit for 55 fl-2030”.
Dan huwa l-pjan tal-UE fil-ħidma tagħha lejn it-tnaqqis fit-tniġġis fl-arja b’almenu 55% sas-sena 2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.