Jintlaħaq ftehim politiku fil-Parlament Ewropew dwar il-bidliet għad-direttiva dwar il-pakketti tal-ivjaġġar. L-MPE Alex Agius Saliba, in-negozjatur ewlieni wara din id-direttiva, ħadem biex din il-bidla ssir frott tagħlimiet li għandhom jittieħdu mill-pandemija tal-Covid u l-falliment ta’ fornituri kbar tas-servizzi tal-ivvjaġġar bħal Thomas Cook.
Skont ir-regoli l-ġodda, il-konsumaturi se jingħataw aktar drittijiet meta jiġu għall-użu ta’ vouchers. Dawn il-vouchers se jkunu validi għal 12-il xahar u jistgħu jissarfu fi flus kontanti f’każ li l-vjaġġatur ma jużahomx. Id-Direttiva l-ġdida se tistabbilixxi wkoll limitu massimu ta’ 6 xhur biex il-konsumaturi jingħataw flushom lura f’każijiet li ma jiġux solvuti mill-fornitur tal-ivvjaġġar tagħhom. Se tingħata wkoll aktar informazzjoni proattiva dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-possibbiltà li jtemmu kuntratt ta’ vjaġġ f’ċirkustanzi straordinarji.
L-MPE Alex Agius Saliba sostna kif ħolistikament “ħdimna b’mod kostruttiv mal-gruppi politiċi kollha u mal-Istati Membri biex insibu kompromess li min-naħa tissaħħaħ il-protezzjoni tal-vjaġġaturi u min-naħa l-oħra jkun tajjeb għall-industrija tal-ivvjaġġar. L-għan tiegħi kien li nsib bilanċ fl-approċċ li jgħin lill-konsumaturi u fl-istess ħin jgħin lin-negozji li huma responsabbli għal ħafna impjiegi, inkluż f’Malta.”
Għall-ewwel darba fil-liġi tal-UE, din id-direttiva se tintroduċi mekkaniżmu obbligatorju għall-immaniġġjar tal-ilmenti. Dan jobbliga risposta ta’ konferma mill-fornitur li rċieva l-ilment fi żmien 7 ijiem u jagħti tweġiba raġunata għal dan l-ilment fi żmien 60 jum.
Alex Agius Saliba temm jgħid kif “regoli li jipproteġu lill-konsumaturi jidhru tajbin fuq il-karta, iżda għandhom bżonn infurzar biex ikollhom valur għaċ-ċittadini tagħna. Għalhekk qed nintroduċu mekkaniżmu għall-immaniġġjar tal-ilmenti b’limitu ta’ żmien obbligatorju. Jekk għandek ilment dwar il-vjaġġ f’pakkett tiegħek, l-organizzatur għandu jagħtik tweġiba raġunata f’60 jum. Dan se jgħin lil kull min jivjaġġa jikseb tweġibiet jew saħansitra kumpens jekk servizz ta’ vjaġġ ma jkunx dak imwiegħed.”


