Wara għadd ta’ diskussjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u Din l-Art Ħelwa Għawdex u Din l-Art Ħelwa, intlaħaq ftehim u ġiet stabbilita t-triq ’l quddiem dwar il-proġett ta’ Triq Marsalforn Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri qal li minkejja li l-Ministeru kellu l-permessi neċessarji biex jibda x-xogħol, xorta waħda baqa’ jiddiskuti u jisma’ l-partijiet interessati sabiex dan il-proġett isir fl-aħjar interess ta’ kulħadd bl-inqas impatt ambjentali. “Filwaqt li wieħed jifhem l-importanza ta’ dan il-proġett sabiex it-triq tkun aktar sigura u tal-ogħla livell, ma stajniex ninjoraw il-fatt ambjentali u fil-fatt tajna prijorità wkoll lil dan l-aspett.”
Il-Ministru Camilleri rrimarka għall-fatt li tul id-diskussjonijiet, dejjem ingħatat prijorità kemm għall-ambjent kif ukoll għas-sigurtà ta’ kull min jagħmel użu minn din it-triq prinċipali. Il-Ministru Camilleri rringrazzja lil Din l-Art Ħelwa li id f’id mal-Ministeru fiehmu u ħadmu għal soluzzjoni aħħarija li ssib bilanċ bejn il-bini mill-ġdid ta’ triq prinċipali li tilħaq standards Ewropej imma dan b’rispett sħiħ lejn l-ambjent tal-madwar.
F’dan il-proġett, partijiet tul Triq Marsalforn se jkunu qed jinbidlu fi spazji bil-ħamrija u jitħawlu madwar 300 siġra indiġena matura. Dan apparti l-fatt li 202 siġriet ser jiġu salvati waqt li 86 oħra ser jiġu allokati mill-ġdid matul il-medda tat-triq.
Barra minn hekk, fl-applikazzjoni ta’ żvilupp se titnaqqas ukoll iż-żona totali li se tiġi koperta mit-triq il-ġdida. Iż-żona totali tal-proġett se tiżdied b’5,567 metru kwadru. Madanakollu, dan jinkludi 5,175 metru kwadru ta’ art esprorpjata, li qabel kienet se tiġi pavimentata, u issa se tibqa’ fl-istat naturali tagħha. 393 metru kwadru ta’ art agrikola eżistenti biss se jiġu assorbiti fit-triq il-ġdida.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-Ministeru dejjem kien miftuħ għad-diskussjonijiet li wasslu sabiex jintlaħaq ftehim biex dan il-proġett se jsir fl-aħjar interess tal-poplu f’dak li għandhom x’jaqsmu s-sigurtà fit-triq u l-ambjent naturali.