Monday, November 4, 2024

Jintlaħaq qbil fuq il-limitu tal-prezz tal-gass mill-Ministri tal-Enerġija tal-UE

Aqra wkoll

Wara negozjati intensivi fil-Kunsill tal-Enerġija, li komplew fi Brussell, il-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea laħqu ftehim li se jkun qed jgħin biex jiddaħħal mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq, magħruf ukoll bħala ‘gas price cap’.

F’kummenti lil ġurnalisti fil-bidu tal-laqgħa, il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u l-Intrapriża, Miriam Dalli saħqet fuq l-importanza li jintlaħaq dan il-ftehim. Qalet li dan huwa bżonnjuż biex ikunu stabilizzati kemm il-prezz kif ukoll is-suq tal-gass.

Il-ftehim milħuq għandu l-għan li jattiva dan il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni meta l-prezz tal-gass jogħla ‘l fuq minn €180 u li fih jinkludi salvagwardji għas-sospensjoni u d- diżattivazzjoni biex b’hekk jiġi mħares is-suq tal-gass.

Il-limitu tal-prezz milħuq flimkien mal-mekkaniżmu kollu se jwasal għall-prezzijiet tal-enerġija aktar stabbli madwar l-Ewropa, minn fejn Malta timporta l-elettriku permezz tal-interconnector.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u l-Intrapriża, Miriam Dalli stqarret li dan huwa pass ’il quddiem fid-dawl ta’ dak li esperjenzajna madwar il-kontintent Ewropew f’dawn l-aħħar xhur. Spjegat li f’Malta ħadna d-deċiżjoni li nżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli għall-familji u n-negozji, speċjalment meta l-maġġoranza tal-industrija tagħna huma ta’ daqs żgħir u medju. Spjegat li dan ifisser li l-Gvern irid jaħdem aktar fuq livell Ewropew biex jassigura li ma jkunx hemm żidiet eċċessivi.

Il-gwerra kontra l-Ukranja waslet għall-prezzijiet għolja tal-enerġija, u filwaqt li jidher li dawn il-prezzijiet għolja se jkomplu fix-xhur li ġejjin, l-Unjoni Ewropea qed tipprova timplementa leġiżlazzjoni li sa ċertu punt jkunu kkontrollati dawn iż-żidiet.

Il-Ministri tal-Enerġija laħqu wkoll ftehim fuq żewġ regolamenti oħra f’każijiet ta’ emerġenza f’sitwazzjonijiet simili, waħda dwar il-permessi għas-sorsi rinnovabbli u l-oħra dwar is-solidarjetà f’każijiet ta’ kriżi.

Sport