L-appell ta’ Senglea Athletic li għalissa ma jiġux relegati għall-Amateur League ġie milqugħ mill-Bord tal-Appelli tal-MFA u għaldaqstant għandha tittieħed deċiżjoni fis-sigħat li ġejjin.
Dan minħabba li wara li Pembroke Athleta talbu biex huma ma jilagħbux fil-Kampjonat Premier u għaldaqstant tniżżlu biex jilagħbu fl-Amateur League, ġara li kien hemm ċaqliq ta’ timijiet hekk kif Sta Lucia baqgħu jżommu l-profil tagħhom fil-Kampjonat Premier filwaqt li kienet ittieħdet li Vittoriosa Stars iżommu posthom fiċ-Challenge League.
Kien għalhekk li s-Sengleani kitbu lill-MFA li kienet qed issir inġustizzja magħhom li filwaqt li Vittoriosa baqgħu fiċ-Challenge League, huma tniżżlu biex jilagħbu fl-Amateur League wara li ż-żewġ timijiet ġew relegati sportivament.
Għaldaqstant, il-club ta’ Senglea ppubblika stqarrija fejn esprima s-sodisfazzjoni għall-appell milqugħ:
Il-club ta’ Senglea Athletic laqa’ b’sodisfazzjon id-decizjoni tal-Bord tal-Appell meħuda tard it-Tlieta filgħaxija fejn aċċetta l-argumenti mressqa mill-Avukat Adrian Delia li mexxa t-trattazzjoni għan-nom tal-kumitat rappreżentat mill-president Neil Carter u s-segretarju Ryan Pellicano.
Fil-fatt il-Bord tal-Appell agixxa skont it-termini ta’ referenza li huma assenja lilu u ġustament informa lill-Bord Ezekuttiv tal-MFA sabiex jerga’ jikkonsidra l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ Artiklu 5 minħabba li t-terminologija użata tirreferi bla ebda dubju għal diviżjonijiet u mhux għal sezzjonijiet.
Fid-dawl tal-Appell mirbuħ mill-club ta’ Senglea Athletic, tant li d-depożitu ġie mroddi lura b’mod sħiħ, il-Kumitat appella lill-Bord Ezekuttiv tal-MFA sabiex b’mod immedjat jirratifika din id-deċiżjoni biex ikunu jistgħu jħejju team kompetittiv għaċ-Challenge League.
Il-club ta’ Senglea Athletic għamilha ċara li permezz tal-Appell imressaq huwa la kellu u lanqas għandu intenzjoni li jfixkel il-pjani tal-girien tagħhom Vittoriosa Stars, anzi, jemmen bis-sħiħ li ż-żewġ timijiet għandhom ikunu fl-urna waqt it-tlugħ tal-poloz taċ-Challenge League, nhar it-Tnejn 18 ta’ Lulju.
Fl-aħħarnett il-club ta’ Senglea Athletic irringrazzja liċ-Chairman u l-membri tal-Bord tal-Appell għall-mod kif gie trattat il-każ quddiemhom kif ukoll lill-Kumitat Ezekuttiv tal-MFA li tahom l-opportunitá jippreżentaw fl-intier tagħhom il-punti favur l-argumentazzjoni quddiem bord independenti.
Wara li l-appell ġie milqugħ, issa d-deċiżjoni mistennija tittieħed fis-sigħat li ġejjin meta jrid jitlaqqa’ l-Kumitat Eżkuttiv tal-MFA qabel l-Assemblea Ġenerali li se ssir nhar il-Ġimgħa … hekk kif il-poloz tal-kampjonati għall-istaġun 2022/23 se jittellgħu nhar it-Tnejn li ġej.