F’konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu il-president tal-Malta Employees Sports Association Mark Marlow tkellem dwar is-suċċess li l-atleti Maltin kellhom fil-European Company Sports Games f’Arnhem l-Olanda ftit tal-jiem ilu. ‘Il fuq minn 60 atleta rrappreżentaw lil pajjiżna f’ħames dixxiplini differenti li kienu jinkludu l-futbol, bowling, badminton, beachvolley u atletika. Total ta’ 12-il midalja ntrebħu fit-tliet dixxiplini differenti fosthom erba’ midalji tal-deheb fl-open team fil-Badminton, 800m u 1500 Kat C Aaron Mifsud u 800m Kat B minn Imed Ben Moussa. Malta rebħet ħames midalji oħra fidda fil-mixed doubles Beach Volley, 400m u 5000m Kat B minn Imed Ben Moussa, 5000m Kat C minn Aaron Mifsud u 1500m Kat C minn George Vella. Intant, intrebħu wkoll tliet midalji tal-bronż fl-1500m Kat B minn Heatcliff Vella, fil-5000m Kat C minn George Vella u ohra fil-5000m Kat D minn Peter Azzopardi.
Dan huma logħob tal-ħaddiema kollha madwar l-Ewropa li jsiru kull sentejn u jitqiesu bħala l-logħob Olimpiċi fejn ‘il fuq minn 5000 parteċipant minn madwar l-Ewropa kienu qed jikkompetu. Is-sena li għaddiet il-Malta Employees Sports Association kienet ipparteċipat fil-World Company Sports Games f’Ateni fejn Malta kisbet riżultati ferm pożittivi kif ukoll intrebħu diversi medalji. Kif tkellem il-president Mark Marlow, “Il-MESA tagħti ċ-ċans lil kull individwu li jipparteċipa fl-attivitajiet li torganizza l-Assoċjazzjoni matul is-sena biex jieħu sehem fl-logħob internazzjonali bħal ma huma dawn kif ukoll tiżgura l-inklużjoni fl-attivitajiet kollha”. Il-logħob li jmiss ser ikunu qed jiġu organizzati f’Bordeaux fi Franza. Fl-aħħarnett il-president tal-MESA, Mark Marlow, irringrazzja lis-segretarju Mario Saliba li ftit ġranet ilu ħabbar ir-riżenja tiegħu minn dan il-kumitat wara ħafna snin f’din il-kariga.