Monday, December 9, 2024

Jinxtraw b’mod definittiv mill-Gvern tliet proprjetajiet oħra ta’ Soċjetajiet Mużikali li kienu f’riskju serju ta’ żgumbrament

Jitilgħu għalhekk għal ħamsa l-ammont ta’ baned li ġew salvati, b’sitt proprjetajiet oħra jinsabu fuq konvenju

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ikkonkluda b’mod definittiv ix-xiri tas-sede ta’ tliet Soċjetajiet Mużikali, jiġifieri s-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede tac-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara u s-sede tas-Soċjeta’ Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara permezz ta’ tliet kuntratti separati li ġew ippubblikati f’jiem differenti matul is-sena kurrenti.

Dawn it-tliet soċjetajiet kienu f’riskju mill-iktar serju ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995. B’hekk issa tela’ għal ħamsa l-ammont ta’ sede ta’ soċjetajiet mużikali li ġew akkwistati mill-Ministeru permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, wara l-akkwist finali tas-sede tas-Soċjeta’ Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid u s-soluzzjoni kompleta għall-kwistjoni marbuta mas-sede tas-Soċjeta’ Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema li seħħew matul is-sena 2023.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li l-għan ewlieni ta’ dawn l-investimenti hu li bix-xiri tas-sede rispettivi l-Gvern daħal u intervjena biex isalva lil dawn is-soċjetajiet mużikali u l-istess proprjetajiet ikunu jistgħu jkomplu jiġu użati bħala s-sede prinċipali tal-każini tal-banda b’titolu ġdid ta’ kera ġusta favur il-Gvern. Huwa qal li l-Gvern jemmen fil-ġid kbir li joħroġ mill-ħidma li ssir favur il-festi Maltin u hu għalhekk li qed jaġixxi biex dawn is-Soċjetajiet Mużikali jibqgħu jitgawdew għal-ġenerazzjoni li jmiss mill-komunitajiet rispettivi.

Dr Bonnici qal li din id-deċiżjoni li l-Gvern isalva l-każini tieħu importanza ikbar fid-dawl tal-fatt li l-festa Maltija hija issa meqjusa bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO u saħaq li bix-xiri ta’ din is-sede, il-Gvern se jkun aġixxa korrettament kemm mas-sidien kif ukoll mas-soċjetà mużikali nnfisha.

Il-Ministru Bonnici qal li din il-proprjetà se tingħaqad mal-portafoll ta’ proprjetajiet li huma lkoll sede ta’ soċjetajiet mużikali li qed jiġu amministrati minn sezzjoni speċjalizzata fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti.

Is-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard ġiet akkwistata mill-Ministeru permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti b’investiment totali ta’ EUR 1,100,000, waqt li s-sede tac-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara ġiet akkwistata wara investiment totali ta’ EUR 750,000.

L-investiment totali, mbagħad, li sar biex tiġi salvata is-Soċjeta’ Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara jammonta għal EUR 4.5 miljun, liema ammont jinkludi l-pre-likwidazzjoni u l-ħlas ta’ danni legalment meqjusa li huma dovuti u spejjeż oħra, inklużi dawk legali.

Intant, hemm sitt soċjetajiet oħra li l-Ministeru, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, daħal f’konvenju mas-sidien tas-sede tagħhom li meta jsiru l-akkwisti rispettivi jtellgħu l-investiment komplessiv u totali għal iktar minn €16-il miljun.

Min-naħa tiegħu c-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li Dawn l-inizjattivi huma kollha parti min-tapezzerija usgħa li l-Kunsill qed ifassal, fejn il-wirt nazzjonali tagħna jissaħħaħ, sabiex b’hekk naraw żvilupp dinamiku ta’ dawn il-karatteristiċi kulturali, tradizzjonali u folkloristiċi li tant huma għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin.

Ekonomija

Sport