Renald Attard ta’ 36 sena li jgħix Ħal Luqa nżamm arrestat wara li ġie mixli bi traffikar u pussess aggravat tad-droga.
Huwa kien arrestat l-Erbgħa waranofsinhar flimkien ma’ raġel ieħor ta’ 31 sena li jgħix Birżebbuġa, waqt li kienu f’vettura.
Waqt tfittxija fil-vettura, il-Pulizija sabet żewġ blokok ta’ sustanza aktarx droga kokaina, b’piż ta’ madwar 1.3 kg.
Minn tfittxijiet oħra li saru f’residenza f’Ħal Luqa, il-Pulizija sabet aktar sustanzi aktarx droga; 130 gramma kokaina, 100 gramma weraq tal-pjanta cannabis u 95 gramma raża tal-cannabis.
Ir-raġel ta’ 36 sena tressaq il-Qorti llum fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għar-raġel.