L-Ispanjol li din il-ġimgħa daħal fi stabbiliment f’San Ġiljan u beda jattakka lin-nies baqa’ jinżamm arrestat wara li aktar kmieni tressaq il-qorti mixli fost l-oħrajn b’aggressjoni.
Gonzalo-Noel Sanchez Fernandez, ta’ 38 sena, tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella mixli fil-31 ta’ Mejju li ħebb għal erba’ persuni u li anke kkaġuna ħsara fuq żewġ vetturi fi Triq il-Wilġa kantuniera ma’ Triq Dragunara.
Skont ma nstema’ fil-qorti jidher li l-imputat jieħu mediċina minħabba problemi ta’ saħħa mentali. Irriżulta wkoll li huwa kien taħt l-effett tad-droga u x-xorob meta seħħ il-każ.
Filwaqt li ma talabx għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tiegħu, l-avukat David Bonello talab li l-imputat jinżamm fit-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Carmeli. Il-Maġistrat laqgħet din it-talba.
Il-prosekuzzjoni f’rabta ma’ dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Jean Paul Attard.