Thursday, March 6, 2025

Jinżamm arrestat fuq akkużi li ta n-nar erba’ karozzi

Aqra wkoll

Raġel ta’ 39 sena residenti Ħal Qormi tressaq il-Qorti mixli b’sensiela ta’ akkużi fosthom serq u li ta n-nar lil erba’ karozzi.

Jurgen Cassar kien mixli wkoll li laqa’ għandu mutur misruq, li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor u anke b’ħasil ta’ flus. Akkużi oħra kontrih jgħidu li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar riċediv. L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.

L-Ispettur Shawn Pawney spjega fl-Qorti kif fis-sigħat bikrin tal-1 ta’ Marzu, erba’ karozzi kienu ngħataw in-nar. Wara analiżi li saret mill-filmati tas-CCTV, il-pulizija identifikat mutur li allegatament intuża fil-kummissjoni tar-reat, liema mutur irriżulta li kien insteraq madwar xahar ilu. Sussegwentement, l-akkużat ġie identifikat u eventwalment kien arrestat.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-gravità tal-akkużi u li għad fadal diversi xhieda pajżana li għad iridu jixhdu.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Cassar u għaldaqstant baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Elisia Scicluna u Shawn Pawney flimkien mal-Avukat Brendan Hewer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Għall-imputat deher l-Avukat Matthew Xuereb.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport