Raġel ta’ 56 sena, min-Norveġja li joqgħod il-Mosta nżamm arrestat wara li ġie mixli li ħebb għall-martu.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech huwa ġie mixli li għal ħabta tas-1 ta’ filgħodu, fil-Mosta, weġġa’ gravi u hedded lil martu.
Intant, fil-Qorti, l-Ispettur Prosekutur, Colin Sheldon, xlieh ukoll li matul l-istess lejl huwa ħebb u weġġa’ ħafif lill-kunjata.
Huwa mifhmum illi r-rapport lill-Pulizija dwar l-allegata aggressjoni sar minn oħt il-vittma. Intqal wkoll, kif il-vittma ma riditx tirrapporta lil żewġha.
Fid-dawl ta’ dan, il-Maġistrat esprimiet ir-rabja tagħha lejn din l-attitudni min-naħa taż-żewġ nisa, fl-isfond ta’ bosta appelli fis-soċjetà, dwar każijiet simili.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi. Il-Maġistrat ċaħdet it-talba tad-difiża biex l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest u b’hekk ir-raġel baqa’ miżmum taħt arrest.