Ħaddiem tal-kostruzzjoni baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’attentat ta’ serq ta’ sigaretti minn maħżen.
Joseph Saliba ta’ 25 sena mill-Imqabba wieġeb mhux ħati li pprova jisraq minn maħżen li jinsab fi Triq Ħal Main, il-Qrendi. L-allegat każ seħħ nhar it-13 ta’ Mejju, għall-ħabta tas-2.30 a.m.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li qalet li l-każ huwa marbut ma’ investigazzjoni usa dwar serq ta’ sigaretti, inkluż mid-Dwana.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega li xhud ewlieni għandu relazzjoni kummerċjali mal-akkużat. Qalet li waqt l-interrogazzjoni tiegħu, l-akkużat kien identifika wkoll terza persuna allegatament involuta f’dan il-każ.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrerst.
L-Avukat Mario Mifsud deher għall-imputat.