Nico Spalding ta’ 22 sena li m’għandux indirizz fiss, inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli b’serq ta’ oġġetti minn ġewwa stabbiliment fil-Belt Valletta u b’attentat ta’ serq minn ġewwa stabbiliment ieħor fl-istess lokalità.
Il-każi seħħew nhar it-13 ta’ Lulju li għadda, bl-imputat jinqabad minn cameras tas-sigurtà jwettaq dawn ir-reati. Huwa kien mixli wkoll li wettaq reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation u li sar reċediv.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab li jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li huwa m’għandux post fejn jirrisjedi, tant li fil-Qorti stqarr li bħalissa qed jorqod fi ġnien, u minħabba li l-fedina penali tiegħu turi li diġa’ nstab ħati diversi drabi ta’ reati fosthom ta’ serq.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jinżamm taħt arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna. L-Avukat Graziella Tanti dehret għar-raġel.