Charlton Mifsud ta’ 39 sena residenti l-Imqabba baqa’ jinżamm arrestat wara li gall-ħabta tal-10.30 tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li l-Ġimgħa filgħaxija hedded u attakka 3 uffiċjali tal-Pulizija fl-Għassa f’Tas-Sliema.
Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Kevan Azzopardi li nhar il-Ġimgħa l-akkużat u missieru ntalbu jmorru l-għassa minħabba rapport ta’ sewqan perikoluż.
Jirriżulta li Mifsud daħal l-għassa ftit wara missieru u mill-ewwel beda jħabbar mal-perspex. Hu rrifjuta li jagħti d-dettalji tiegħu lill-uffiċjali tal-Pulizija bis-sitwazzjoni tkompli teskala fejn anke irreżista l-arrest filwaqt li attakk 3 uffiċjali tal-Pulizija.
Minħabba dan wieħed mill-uffiċjali sofra ġrieħi gravi bi ksur f’idejh u l-ieħor sofra ġrieħi ħfief.
Id-difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest bil-Maġistrat Azzopardi jinnota li l-fatt li ma rridx jagħti d-dettalji tiegħu kien biżżejjed biex jiġi arrestat.
L-avukat difensur għamel talba għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezzjoni minħabba n-natura tar-reat kif ukoll minħabba l-biża’ li l-akkużat jitkellem max-xhieda. Il-Prosekuzzjoni qalet li m’għandix fiduċja li Mifsud jobdi l-ordnijiet imposti fuqu jekk il-Qorti tagħtih il-ħelsien mill-arrest.
Min-naħa tagħha d-difiża qalet li 5 uffiċjali tal-Pulizija qabduh minn għonqu u xeħtuħ mal-art. L-avukat difensur qal li l-akkużat jista’ jagħti garanzija li mhux se jitkellem mal-vittmi jew max-xhieda u m’għandu l-ebda interess li jerġa’ jagħmel reat ieħor.
Iżda għal dan il-Prosekuzzjoni qalet li fil-passat l-akkużat kien diġà xellef difrejh mal-liġi fosthom b’każijiet ta’ theddid, aggressjoni u reati marbuta mad-droga.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.