Raġel ta’ 31 sena mill-Mali, residenti San Ġiljan, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’pussess tad-droga.
Quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt, Benjamin Sanogo kien akkużat li fit-8 ta’ Awwissu li għadda kellu fil-pussess tiegħu 16.44 grammi ta’ kokaina u 4.78 grammi ta’ kannabis li ma kinux għall-użu personali. Huwa kien akkużat ukoll li hedded membru tal-Korp tal-Puzlija u li kkaġunalu ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Fil-Qorti ngħad li l-akkużat naqas milli jiffirma l-għassa kif kien obbligat jagħmel wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest fis-6 ta’ Novembru 2022. L-Ispettur Zachary Zammit spjega kif nhar it-Tlieta li għadda l-pulizija marru biex jarrestawh proprju dwar dan l-aġir. Meta rahom, l-imputat telaq jiġri.
Huwa kompla jispjega li f’punt minnhom il-pulizija nnutaw illi l-akkużat rama borża. Kien propju f’din l-istess borża li nstabet id-droga.
Għalkemm l-akkużat wieġeb mhux ħati, l-avukat li deher għalih ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.
Għal l-akkużat deher l-Avukat Martin Farrugia.