Inżamm arrestat ir-raġel li t-Tlieta li għadda allegatament ħebb, irreżista u kkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq żewġ uffiċjali tal-pulizija f’San Pawl il-Baħar. Huwa kien deher f’filmat jirrifjuta jinżel minn karozza tal-linja wara li allegatament naqas milli jħallas in-noll.
John Okoro ta’ 36 sena min-Niġerja, li m’għandux residenza fiss u ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-gravità tal-akkużi fosthom l-aggressjoni fuq uffiċjali tal-pulizija. “L-uffiċjali qalulu biex jinżel minn tal-linja u beda jkun aggressiv fil-konfront tagħhom. Spiċċaw feruti. Dan huwa każ serju u m’għandux ikun ittollerat. Barra minn hekk l-imputat m’għandux post fejn joqgħod,” qalet il-Prosekuzzjoni.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ryan Vella mentri l-Avukat Joe Brincat deher għall-imputat.