Inżamm arrestat ir-raġel ta’ 35 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, li fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis allegatament ipprova jsuq fuq il-pulizija wara li naqas milli jieqaf waqt kontroll tat-traffiku li kien qiegħed isir fl-Imdina.
L-imputat, Lineker David Micallef, tressaq quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Il-Pulizija kienet qalet li għall-ħabta tal-11.30 p.m., kienu għamlu sinjal lix-xufier ta’ Peugeot li deher li kellu l-liċenzja skaduta.
Minkejja li għamlulu s-sinjali biex jieqaf, allegatament is-sewwieq żied il-veloċità fid-direzzjoni tal-pulizija, li kellhom iwarrbu min-nofs biex ma jintlaqtux u ħarab minn fuq il-post.
Il-Pulizija qalet li meta kien ser jiġi ċċirkondat, ir-raġel rema’ oġġett mill-vettura li wara rriżulta li kienet arma tan-nar. Waqt tfittxijiet fil-vettura instabet sustanza suspettata kokaina filwaqt li f’garaxx u f’residenza tar-raġel instabet aktar sustanza suspettata kokaina, eroina u kannabis, sikkina kbira u diversi balal.
Micallef kien mixli li attakka jew għamel reżistenza bi vjolenza fuq tmien uffiċjali tal-pulizija, li heddidhom, li ħebb għal Surġent tal-Pulizija u kkaġunalu ġrieħi ħfief u li naqas milli jobdi l-ordnijiet ta’ uffiċjal pubbliku waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
Huwa kien mixli li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina, eroina u l-kannabis, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu. Akkużi oħra miġjuba kontrih jgħidu li kellu arma u munizzjon mingħajr liċenzja, li saq vettura b’mod traskurat u li sar reċediv.
Minkejja li ċaħad l-akkużi, f’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Intalab iżda li l-imputat isirlu eżami tossikoloġiku u li jinħatar espert għal dan il-għan, bil-Prosekuzzjoni ma ssibx oġġezzjoni għal dan.
Il-Qorti ħeġġet lid-Direttur tal-Ħabs biex jagħti direttivi meħtieġa sabiex l-imputat ikun jista’ jingħata l-għajnuna kollha li għandu bżonn sabiex jindirizza l-problema tad-droga mill-aktar fis possibbli.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ritienne Gauci.