Raġel ta’ 51 sena minn Santa Venera baqa’ jinżamm arrestat wara li dalgħodu kien mixli li ta n-nar lill-karozza ta’ Adrian Zammit fost akkużi oħra.
Zammit li huwa mill-Marsa hu magħruf għal bosta filmati li jtella’ fuq il-midja soċjali fosthom fuq Facebook u anke fuq TikTok.
L-akkużat ġie mixli li fil-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Ottubru, fi Triq Stiefnu Zerafa fil-Marsa, ta n-nar lill-vettura ta’ Zammit u li kkaġuna wkoll ħsara f’mutur Kymco.
Quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca huwa wieġeb li ma kienx ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u filwaqt li saret talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ċaħdet din it-talba u b’hekk l-imputat baqa’ jinżamm arrestat.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Mario Xiberras u Jeffrey Scicluna waqt li l-Avukat Mario Mifsud qed jidher għall-akkużat.