Żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti Ħal Qormi nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq tfajla wara argument. L-allegat każ seħħ nhar is-17 ta’ Lulju li għadda, għall-ħabta tal-10.30 p.m. fi Pjazza Narbona, Ħal Qormi.
Ransdon Debono tressaq quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fejn kien mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied u li naqas milli jħares il-kudizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti b’digriet mogħti f’Marzu li għadda li bih ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Akkużi oħra miġjuba kontrih jgħidu li huwa wettaq reat ta’ natura volontarja li għalih hemm kontemplat piena ta’ priġunerija waqt perjodu operattiv ta’ sentenza ta’ liberazzjoni taħt kundizzjonijiet.
Debono wieġeb mhux ħati tal-akkużi, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li hemm tliet xhieda pajżana li għad iridu jixhdu fosthom l-allegata vittma, ommha u ġuvni ieħor li ra l-inċident iseħħ.
“Sirna nafu li dawn jafu lil xulxin u għaldaqstant faċilment jista’ jkun hemm intralċ ta’ provi. Minbarra hekk, hemm il-kwistjoni tal-affidabilità. Fl-età tenera ta’ 18-il sena huwa għandu fedina penali kemmxejn voluminuża. Kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Marzu u llum erġajna hawn biex l-imputat iwieġeb għal akkużi oħra,” saħqet il-Prosekuzzjoni.
Min-naħa tagħha, id-Difiża argumentat li dan l-allegat reat qed jintqal li seħħ il-ġimgħa li għaddiet u li tul dan il-perjodu huwa ma pprovax javviċina lix-xhieda. “Li m’għamilx f’ġimgħa ma nimmaġinax li se jagħmel issa jekk ikun marbut bil-kundizzjonijiet,” qalet id-Difiża.
Kien f’dan il-mument li daħal raġel fl-awla u meta l-Maġistrat staqsietu min kien huwa wieġeb li kien “missier it-tfajla li sawwat dak il-p****”, b’referenza għall-imputat. Huwa ntalab joħroġ ‘il barra mill-awla.
Il-Qorti qalet li peress li għad hemm xhieda pajżana li għad iridu jixhdu, f’dan l-istadju qiegħda tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant Debono baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius mentri għall-imputat deher l-Avukat Franco Debono.