Sunday, February 8, 2026

Jinżamm arrestat l-allegat kompliċi tas-serqa ta’ żewġ muturi minn Għajnsielem

Aqra wkoll

Redent Ciantar baqa’ jinżamm arrestat hekk kif tressaq il-Qorti ta’ Għawdex akkużat li kien kompliċi fis-serqa ta’ żewġ muturi minn Għajnsielem.

Ciantar ta’ 37 sena residenti San Pawl il-Baħar kien akkużat mill-Ispettur Keith Xerri li nhar it-13 ta’ Jannar kien kompliċi ma’ żewġ ġuvintur li isimhom ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti minħabba li għadhom taħt l-età li ammettew li serqu żewġ muturi elettriċi minn Għajnsielem.

Iż-żewġ ġuvintur minuri tressqu diġà fil-Qorti ta’ Għawdex fejn wieġbu ħajta tal-akkużi. Dakinhar kien sar magħruf li  huma kienu telgħu Għawdex bil-Fast Ferry, wettqu s-serqa u niżlu lura bil-vapur tal-Gozo Channel.

Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi filwaqt li d-difiża mmexija mill-avukat tal-Għajnuna legali Dr. Maria Bartolo Dimech talbet għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur Keith Xerri oġġezzjoni għal dan minħabba diversi raġunijiet. Wara li l-Maġistrat Grech sema’ lill-partijiet ordna li Ciantar jibqa’ jinżamm arrestat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Keith Xerri. Dr. Maria Bartolo Dimech kienet l-avukat tal-Għajnuna Legali għall-imputat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport