Wednesday, December 25, 2024

Jinżamm arrestat mixli b’pussess ta’ droga u ħasil ta’ flus 

Aqra wkoll

Albaniż ta’ 24 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’pussess ta’ droga u ħasil ta’ flus.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca spjegat li minn tfittxija illi saret fl-appartament tal-imputat, irriżulta li kien hemm ammont sostanzjali ta’ flus moħbija wara l-magna tal-ħasil, fit-tumble dryer u fil-gwardarobba. 

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Mercieca spjega li l-Pulizija għamlet rejd fl-appartament tal-imputat, hekk kif irċevew diversi rapporti minn xi residenti li joqogħdu fl-istess blokka miegħu, fejn dawn sostnew li ġieli xammew ċerti rwejjaħ. 

Ingħad ukoll li bosta residenti rawh għal diversi drabi dieħel u ħiereġ mill-appartament tiegħu b’basktijiet b’ammont sostanzjali ta’ droga u flus. 

Quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, l-imputat kien mixli b’pussess ta’ droga kokaina u sustanza psikoattiva ġdida, kif ukoll b’ħasil ta’ flus. 

L-Albaniż wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Maġistrat Caruana ordna wkoll l ijiġu ffriżati l-assi tal-imputat.

Ekonomija

Sport