Friday, October 11, 2024

Jinżamm arrestat mixli li stupra lil martu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 43 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli bi stupru fuq martu u akkużi oħrajn relatati ma’ vjolenza domestika. 

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ imur lura għal Novembru tas-sena li għaddiet, meta allegatament f’dak il-perjodu imesmmi l-imputat sforza ruħu fuq martu mingħajr ma talabha kunsens. 

Ingħad li l-mara rrifjutat dan u li meta għamlet hekk, allegatament dan qattalha l-ħwejjeġ li kienet liebsa u li kkawżalha xi tbenġil. Ġie spjegat kif dan ir-reat seħħ quddiem it-tifel tal-istess koppja, li għandu tmien snin u li dan ra u fehem dak li kien qiegħed jiġri. 

Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat għandu problemi ta’ droga u li minn dakinhar tal-inċident, ir-raġel ħalla d-dar tiegħu, sabiex imur jgħix għal rasu.

Fit-12 ta’ Settembru ta’ din is-sena, l-vittma għamel rapport lil Pulizija, hekk kif din irċeviet telefonata mingħand l-akkużat dwar il-bejgħ tal-propjetà fejn tgħix. Kien hawn fejn allegatament il-koppja qabdu jiġġieldu, bl-akkużat jheddiha li se jkun vjolenti magħha. 

Quddiem il-Maġistrat Clair Stafrace Zammit, l-imputat wieġeb li mhuwiex ħati gaħħl-akkużi miġjuba konrtih, bid-Difiża tispjega li ma hemmx biża’ minħabba li minn Novembru tal-2023 sa Settembru tal-2024 ma kien hemm l-ebda inċidenti. 

Qalet ukoll li tul dan iż-żmien ikkomunikaw bi qbil u qatt ma resaq lejn id-dar ħlief biex jiġbor lit-tifel.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Maġistrat Zammit ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Hija talbet lill-Prosekuzzjoni sabiex din ttella’ lill-vittma, kif ukoll lil minuri biex jixhdu.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, li l-akkużat ma jsegwix il-movimenti tagħha, ma jmurx fejn toqgħod u fejn taħdem u ma jattakkax jew jimmolestaha b’mod verbali jew bil-mezzi soċjali. 

Ġie enfasizzat li jekk jikser xi waħda minn dawn ir-regoli, l-imputat jista’ jeħel €7,000 flimkien ma’ sentejn priġunerija. Din l-ordni tibqa’ fis-seħħ sas-sentenza finali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport