Elliot Paul Busuttil ta’ 36 sena minn Ħ’Attard aktar kmieni tressaq il-Qorti akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Emil Vassilev Marinov Bulgaru ta’ 57 sena li joqgħod Birkirkara.
L-aggressjoni seħħet f’Ta Qali fit-13 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-11:00 p.m fejn huwa allegat li l-aggressur ikkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi b’sikkina fuq il-vittma. Huwa kien akkużat ukoll li seraq ammont ta’ flus kontanti mingħand il-Bulgaru.
Fil-Qorti l-avukat difensur ma talabx għall-ħelsien mill-arrest, iżda talab li l-prosekuzzjoni ttella’ malajr kemm jista’ jkun lix-xhud ewlieni li huwa l-vittma nnifsu li għadu rikoverat l-isptar. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-vittma qaleb għall-aħjar.
L-akkużat baqa’ jinżamm arrestat.