Monday, February 23, 2026

Jinżamm arrestat wara li allegatament kellu l-kokaina u kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti

Aqra wkoll

Raġel ta’ 39 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li fil-pussess tiegħu kellu droga kakaina u anke li kiser diversi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-qorti biex ingħata ħelsien mill-arrest f’każi oħrajn.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-każ beda fl-14 ta’ Frar li għadda meta għall-ħabta tat-3.00a.m., is-sezzjoni tar-Roads Policing Unit ġew infurmati li kienet seħħet ħabta fi Triq tal-Balal, San Ġwann.

Hekk kif waslu fuq il-post sabu karozza tal-għala Volkswagen Polo, li kienet tilfet il-kontroll u ħabtet f’vann ipparkjat tal-għamla Isuzu.

L-imputat kien qiegħed isuq din il-karozza u konsegwenza ta’ dan l-inċident ittieħed l-Isptar Mater Dei għal kura. Hu anke għamel xi jiem fl-ITU.

L-imputat suppost fit-3.00a.m. kien qiegħed id-dar skont waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti. Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Frar, il-Pulizija ġew informati li l-imputat kien se jiġi rilaxxat mill-isptar u għalhekk inħareġ mandat ta’ arrest.

Hekk kif ġie arrestat, l-imputat daħħal idu ponn fil-but tal-qalziet tax-xellug u kien evidenti li kien qiegħed iżomm xi ħaġa. 

Il-Pulizija ordnawlu biex jagħtihom dak li kellu fil-but, iżda hu ma kkoperax tant li pprova jibla dak li kellu f’idejh. Irriżulta li din kienet borża b’sustanza bajda suspettata kokaina li kienet tiżen 4.67g.

Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ li l-imputat jagħmel reat ieħor u aktar minn hekk għax għandu l-problema tad-droga.

Id-difiża qalet li hu għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest u jittiħed fl-Isptar Monte Karmeli għall-kura. Iżda għal din il-proposta l-Prosekuzzjoni qalet li meta kien taħt kura fl-Isptar Mater Dei b’xi mod irnexxielu jkollu d-droga wkoll.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, qieset li l-akkużat m’huwiex affidabbli, b’hekk ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Michael Vella u Nathan Bugeja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport