Saturday, December 21, 2024

Jinżamm arrestat wara li ċaħad illi daħal jisraq minn żona biswit Buckingham Palace

Aqra wkoll

Raġel inżamm arrestat wara li ċaħad illi fl-aħħar jiem tela’ ma’ ħajt biswit Buckingham Palace u pprova jisraq minn ġo vettura.

Awad Rovalino, ta’ 25 u li m’għandux indirizz fiss, kien arrestat is-Sibt li għadda f’żona magħrufa bħala ‘Royal Mews’ li tinsab biswit il-palazz tal-Familja Rjali – żona mgħammra bit-trasport tal-Familja Rjali, inkarigata mit-traġitti li jsiru bil-vetturi kif ukoll għal oħrajn permezz taż-żwiemel jew xi karozzella. Il-Gold State Coach, li kienet intużat is-sena l-oħra għall-platinum jubilee tar-Reġina Eliżabetta II u f’Mejju li għadda għall-inkurunazzjoni tar-Re, tinżamm hemmhekk.

Ritratt: Royal Collection Trust

Dan wara li l-pulizija rċeviet rapporti dwar persuna tielgħa mal-ħajt qrib sew tal-palazz. Huwa ġie mixli wkoll b’attentat ta’ serq minn ġo vettura li tagħmel parti mir-‘Royal Mews’. Uffiċjali li kienu qed jgħassu l-palazz lemħu lir-raġel tiela’ mal-ħajt u rawh dieħel fir-‘Royal Mews’.

Huwa tressaq il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminster iktar kmieni llum fejn ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih u nżamm arrestat. L-akkużat mistenni jerġa’ jidher il-Qorti bħal-lum ġimgħa. 

Skont rapport ippubblikat minn Sky News, intqal li ġie kkonfermat illi waqt il-ħin li seħħ il-każ ma kien hemm ħadd mill-Familja Rjali fil-palazz.

Ekonomija

Sport