Luke Zammit Haber ta’ 30 sena residenti x-Xewkija, Għawdex inżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti t’Għawdex mixli b’diversi akkużi fosthom li f’għalqa kellu 55 pjanta tal-kannabis. Huwa kien mixli wkoll li kellu d-droga LSD u l-Ketamina.
Il-pulizija kienu ilhom jiem jissorveljaw għalqa fil-limiti tax-Xewkija wara li kellha informazzjoni li din kienet qed tintuża biex tiġi kkultivata l-kannabis.
Il-Ħadd filgħodu l-pulizija daħlu fl-għalqa u sabu madwar 55 pjanta tal-kannabis ta’ kull daqs, żrieragħ u affarijiet relatati mal-ipproċessar tad-droga, biex imbagħad din tiġi ttraffikata.
Fil-post kien hemm ir-raġel li ġie arrestat, bil-pulizija tkompli bit-tfittxijiet fir-residenza tiegħu fejn hemm instabu iżjed affarijiet relatati mal-ipproċessar tad-droga.
Zammit Haber wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti.
L-Avukati Matthew Xuereb u Alex Scerri Herrera dehru għall-imputat.
Aktar kmieni: Is-suspettat b’rabta mas-sejba t’għalqa għall-kultivazzjoni tal-kannabis mistenni jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej
Illum, għall-ħabta tas-1:00 p.m., il-Pulizija ser tressaq persuna l-Qorti t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech, akkużat b’rabta mas-sejba t’għalqa għall-kultivazzjoni tal-kannabis.
Il-Pulizija fi stqarrija maħruġa lbieraħ innutat li din l-għalqa qed tintuża biex tiġi kkultivata l-kannabis. L-uffiċjali li daħlu fiha sabu madwar 55 pjanta tal-kannabis ta’ kull daqs, żrieragħ u affarijiet relatati mal-ipproċessar tad-droga, biex imbagħad din tiġi ttraffikata.
Fil-post kien hemm raġel ta’ 30 sena residenti x-Xewkija, Għawdex, li ġie arrestat.
L-investigazzjonijiet u t-tfittxijiet komplew fir-residenza tal-arrestat fix-Xewkija ukoll, fejn hemmhekk instabu iżjed affarijiet relatati mal-ipproċessar tad-droga.