Monday, August 4, 2025

Jinżamm arrestat wara li ġera wara s-sieħba b’imqass u b’sikkina tal-ħobż

Aqra wkoll

Raġel ta’ 28 sena residenti l-Mosta ma ngħatax il-ħelsien mill-arresti wara li nhar il-Ħadd filgħodu ġie akkużat fil-Qorti b’akkużi  ta’ vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu, inkluż b’theddid ta’ arma.

L-Ispettur Audrey Micallef li mixxiet il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Victor Axiak li fl-1 ta’ Awwissu li għadda, is-sieħba tal-imputat kienet għamlet rapport dwar allegat każ li kien seħħ dakinhar stess filgħodu.

Il-vittma qalet lill-Pulizija li kien seħħ argument bejnha u bejn is-sieħeb tagħha, u l-istess argument eskala hekk kif l-imputatawaddab il-luminata li kien qed jixrob lejn it-tfajla u beda jgħidilha “kemm int injoranta, kemm ma naħmlekx”.

Fil-Qorti ntqal li l-vittma rraportat li minn hawn l-affarijiet komplew jikbru hekk kif allegatament hu beda jagħtiha daqqiet bil-ponn u bis-sieq fosthom anke daqqa f’daraha b’lasta ta’ xkupa.

L-Ispettur qalet fil-Qorti li hekk kif l-imputat induna li s-sieħba tiegħu kienet se ċċempel lill-Pulizija, ħadilha l-mobile u sakkar il-bieb ta’ barra minn ġewwa biex ma jkollhiex aċċess għal barra.

Kien hawn li allegatament l-imputat qabad imqass li kein fuq xkaffa u waqt li b’idejh ix-xellugija żammilha għonqha, b’idejh il-leminija mess l-imqass m’għonqha.

Min-naħa tagħha l-allegat vittma qabdet sikkina ta’ madwar 12-il ċentimetru biex tiddefendi ruħha, iżda hekk kif l-imputat ra dan qabad sikkina tal-ħobż twila 30 ċentimetru. Hu beda jiġri wara s-sieħba kemm bis-sikkina u anke bl-imqass filwaqt li beda jgħidilha “noqtlok u nħanxrek”.

Jirriżulta li l-vittma rnexxielha taħrab mid-dar u marret għand il-ġenituri tal-akkużat fejn talbet l-għajnuna ta’ missieru. Hu mill-ewwel mar fuq il-post fejn qal lil ibnu biex jagħtiha l-mobile lura.

Iżda l-imputat qal lill-missieru li biex jagħtiha l-mobile lura l-ewwel trid timsaħ il-luminata li kien hemm fl-art. Il-vittma obdiet u bdiet timsaħ il-luminata. L-Ispettur qalet li quddiem missieru, l-imputat reġa’ taha daqqa ġo wiċċha u daħal missieru fin-nofs biex iferraqhom.

Waqt li kien qiegħed jiġi mitkellem mill-Pulizija,  insulentaha bi kliem li uża, tant li waħda mill-akkużi li qed jiġi mixli bihom hija ta’ offiża u insulenti fil-konfront tal-Ispettur waqt il-qadi ta’ dmirijietha.

L-akkużat wieġed mhux ħati tal-akkużi filwaqt li d-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Maġistrat Victor Axiak filwaqt li ċaħad it-talba qal li “kulħadd jieħu r-responsabbiltà t’għemilu”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport