Stephen Urry ta’ 42 sena nżamm arrestat wara li kien akkużat li fil-lejl ta’ bejn ir-raba’ u l-ħamsa ta’ Awwissu ta’ din is-sena, ikkommetta serqa minn vettura ma’ David Cavenati, Taljan ta’ 33 sena li jgħix Raħal Ġdid. Flimkien ippruvaw jisirqu wkoll minn vettura oħra. Apparti miinn hekk għamlu l-ħsara wkoll fuq iż-żewġ vetturi.
Stephen Urry kien akkużat ukoll li kkommetta serq ta’ skrataċ u oġġetti oħra u li dan wassal biex għamel ħsara fuq vettura.
Huwa wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana ordna li jinżamm arrestat minħabba li huwa reċediv u li naqas li jidher l-qorti meta kien akkużat b’reati ta’ serq fl-2018.
Min-naħa l-oħra David Cavenati ammetta li għandu problema tad-droga u wieġeb li hu ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ġie kkundannat sentejn probation, filwaqt li jrid imur għal programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga, u dan irid jagħmlu fi żmien xahar. Huwa ġie mwissi wkoll li jekk f’ dawn is-sentejn iwettaq xi reat ieħor, jista’ jeħel il-ħabs.