Saturday, December 21, 2024

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli bi traffikar tad-droga

Aqra wkoll

Shaibu Abdul Salam ta’ 25 sena mill-Ghana tressaq fil-Qorti mixli b’akkużi dwar traffikar ta’ droga.

Fil-Qorti nstema’ kif it-Tlieta li għadda, għall-ħabta tas-7.00 p.m., il-Pulizija ta’ Kontra d-Droga kienet għaddejja fuq ronda u nnutat raġel suspettuż fi Ġnien Belvedere, il-Marsa.

Il-Pulizija avviċinawh u bdew ikellmuh iżda dan allegatament beda jsir aggressiv fil-konfront tagħhom. Kien għalhekk li ntalbet l-assistenza tar-Rapid Intervention Unit u pprovaw jikkalmawh però dan kompla jsir aggressiv u ma bediex jobdi l-ordnijiet. 

Minħabba f’hekk huwa kien arrestat, saret tfittxija fuqu u nstab fil-pussess ta’ madwar 50 borża żgħira b’sustanza suspettata kannabis, lesti biex jiġu traffikati, flimkien ma’ €2,800 fi flus kontanti. Jidher ukoll li waqt l-arrest tiegħu, l-imputat allegatament ipprova jieħu xi arma minn fuq uffiċjal tal-RIU.

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda baqa’ jinżamm arrestat. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech. L-Avukat Christopher Chircop deher għall-imputat. 

Ekonomija

Sport