Raġel ta’ 36 sena residenti l-Isla baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat bi vjolenza domestika u anke li kellu l-intenzjoni li jxerred filmat sesswali mingħajr il-kunsens tal-persuna li kienet tidher fl-istess filmat.
L-Ispettur Omar Zammit spjega fil-Qorti li fis-27 ta’ Diċembru li għadda għall-ħabta tat-3.00a.m., is-sieħba tal-imputat marret tagħmel rapport mat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika tal-Pulizija. Fir-rapport hija allegat li l-imputat kien heddidha b’sikkina u għamlilha xi ħsarat mal-vettura.
Minn investigazzjonijiet li saru, irriżulta li bejn il-koppja diġà kien hemm ordni ta’ trażżin kontra l-imputat. L-allegat vittma allegat ukoll li l-imputat kien ħa filmat sesswali fejn tidher hi mingħajr il-kunsens tagħha.
L-imputat wieħed mhux ħati tal-akkużi filwaqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba biża ta’ intralċ tal-provi u sakemm tixhed il-vittma.
Għall-parte civile dehru l-avukati Dr Franco Debono u Dr Adreana Zammit, filwaqt li l-akkużat kien assistit minn Dr Mark Mifsud Cutajar.


