Sunday, March 15, 2026

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli bil-pussess u t-traffikar ta’ diversi tipi ta’ droga

Aqra wkoll

Kolumbjan ta’ 31 sena baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli bil-pussess u t-traffikar ta’ diversi tipi ta’ droga. 

Huwa kien arrestat fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda waqt spezzjonijiet li kienu qed isiru mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Paceville.

Fil-Qorti nstema’ kif waqt rondi fi Triq il-Wilġa, il-Pulizija nnutaw raġel isuq mutur u deher jaġixxi b’mod suspettuż. Huwa twaqqaf, saret tfittxija u f’basket moħbi taħt is-seat tal-mutur instabu 14-il qartas droga suspettata kokaina, 4 qratas suspettati MDMA, 7 pilloli suspettati ecstasy u qartas bi droga suspettata LSD. 

Minbarra l-akkużi dwar droga, l-imputat kien mixli wkoll li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ mitt metru mill-parametru ta’ skola, klabb jew xi post simili fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ u li allegatament għamel atti ta’ ħasil ta’ flus.

Fil-Qorti, il-partijiet talbu sabiex ikun hemm divjet tal-publikazzjoni ta’ isem l-imputat u dan minħabba l-fatt li għad hemm investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin u l-pubblikazzjoni ta’ isem l-imputat f’dan l-istadju tista’ twassal għal xkiel fl-investigazzjoni. Il-Qorti laqgħet din it-talba. 

Sadanittant, l-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u d-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba n-natura serja tal-akkużi.

Il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil qalet li minħabba n-natura serja tal-imputazzjonijiet, l-istadju bikri tal-proċeduri fejn għad hemm investigazzjonijiet tal-pulizija u n-nuqqas ta’ rabtiet tal-imputat ma’ dawn il-gżejjer, il-Qorti m’għandhiex serħan tal-moħħ li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, huwa se josserva l-kundizzjonijiet imposti fuqu u ma jikkomettix reati simili għal dak li jinsab akkużat bihom f’dawn il-proċeduri. Għaldaqstant, f’dan l-istadju ċaħdet it-talba.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Leigh Howard flimkien mal-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Noel Bianco deher għall-imputat. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport