Dylan Mifsud, li għandu 26 sena u li jgħix il-Marsa, baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu.
Huwa tressaq il-Qorti llum fejn ġie mixli b’pussess u traffikar ta’ droga.
Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, intqal li l-Pulizija kienet għaddejja b’ronda fil-Marsa, meta nnutat karozza abbandunata b’raġel fiha.
Il-prosekuzzjoni spjegat li Mifsud ġie arrestat fit-12 t’April u wara investigazzjoni u tfittxija, fuqu allegatament instabu 65 qartas ta’ droga eroina u kokaina, li jammontaw għal 14-il gramma.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest u spjegat li l-imputat ibati mill-vizzju tad-droga u għandu bżonn ħafna għajnuna.
Il-Maġistrat ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u rrakkomanda biex minflok ħabs huwa jinżamm post ieħor u jingħata l-għajnuna li għandu bżonn.