Jabi Abubaker ta’ 22 sena mill-Gambja nżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq aktar minn €4,000 fi flus kontanti minn appartament f’Santa Venera u li għamel ħsara fl-istess residenza.
Meta tressaq fil-Qorti, l-akkużat ilmenta illi meta l-Ħadd li għadda ġie arrestat, huwa kien kellem avukat tal-għajnuna legali differenti minn dak li kellu għas-seduta tal-lum.
Il-Maġistrat Abigail Critien spjegatlu kif taħdem is-sistema tal-avukat tal-għajnuna u li għalhekk l-avukat tiegħu kien se jkun Dr Mattea Felice. “Bħalma ma tagħżilx il-maġistrat li titressaq quddiem, daqstant ieħor ma tagħżilx l-avukat tal-għajnuna legali,” qaltlu l-Maġistrat Critien.
“Għandek id-dritt li tagħżel kwalunkwe avukat trid privatament. Imma trid tħallas għas-servizzi tagħhom. Trid avukat privat?,” żiedet tistaqsi lill-imputat. Huwa iżda weġibha li ma riedx.
Il-Qorti semgħet kif l-imputat allegatament seraq bejn €4,000 u €5,000 u passaport minn appartament. Imbagħad għadda xi flus permezz tal-Western Union u anke xtara mobile u oġġetti oħra.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet milll-Ispettur Ian Vella.